Awdjo: Mallia jġorr ir-responsabbilità jekk jinstab li kien involut – Joseph Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li se jistenna l-konklużjonijiet tal-inkjesta Maġisterjali dwar il-każ tal-isparatura fejn kien involut ix-xufier tal-Ministru Manuel Mallia.
Qal li jekk mill-inkjesta jirriżulta li l-Ministru Manuel Mallia kien involut fil-każ, kien jaf x’qed jiġri jew għadda xi ordni, jkollu jġorr ir-responsabbilità politika.
Il-Prim Ministru qal dan meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet li sarulu dwar il-każ li fih kien involut l-eks Kuntistabbli Peter Paul Sheehan, li allegatament spara tiri lejn l-Iskoċċiż Stephen Smith wara inċident tat-traffiku.
Joseph Muscat qal li s’issa ma jirriżultalux li l-Ministru Mallia kien involut fil-każ.
Reġa qal li jinsab diżgustat b’dak li ġara u li azzjonijiet bħal dawn mhux ittollerati f’pajjiż demokratiku.
Joseph Muscat qal li l-istqarrija li ħareġ il-Ministeru għall-Intern ftit sigħat wara li seħħ il-każ kienet ibbażata fuq informazzjoni minn fuq il-post, li rriżulta li ma kinitx kompletament korretta.
Sostna li mhux każ ta’ cover-up għaliex il-ġurnalisti kellhom il-libertà li jieħdu r-ritratti u l-filmati u li minnhom irriżulta li l-ewwel informazzjoni ma kinitx korretta.
Il-Prim Ministru qal ukoll li mal-ewwel ċans, il-Ministru Manuel Mallia għażel li jitkellem mal-midja u kkorreġġa l-fatti li kienu ngħataw fl-istqarrija tal-lejl ta’ qabel.
Fuq din l-istqarrija tal-Gvern, il-Prim Ministru qal li jista’ jkun hemm partijiet oħra li jistgħu ikunu skorretti iżda trid tkun l-inkjesta Maġisterjali li tistabbilixxi dan.
Irrimarka li Sheehan ġie sospiż kemm minn xufier tal-Ministru Mallia kif ukoll minn Kuntistabbli tal-Pulizija u qed jgħaddi mill-proċeduri kollha legali.
Dwar dan il-każ, Newsbook.com.mt bagħat dawn il-mistoqsijiet lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u lill-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali:
1. Għaliex inħasset il-ħtieġa li xufier ta' Ministru jkun membru tal-Korp tal-Pulizija, u min awtorizza li dan ikun armat?
2. Kemm xufiera tal-Ministri huma Pulizija u kemm minnhom iġorru arma?
3. F'liema kundizzjonijiet għandhom l-awtorizazzjoni li jisparaw?
4. Hija proċedura li l-Pulizija jispara f'każ ta' hit & run?
Dawn il-mistoqsijiet baqgħu sal-lum mhux imwieġba.