Awdjo: “Malli smajt l-isplużjoni ħsibthom iċ-ċilindri tal-gass, imma…”

Sandro Ciliberti, in-negozjant Malti li fis-sigħat bikrin tal-Ġimgħa filgħodu tpoġġielu splussiv mal-karozza tiegħu fix-Xagħra, irrakkonta ma' Newsbook.com.mt dwar l-esperjenza xokkanti li għex ilbieraħ.

Ciliberti, li hu magħruf bħala ċ-Chilly, qal li kif sema' l-ħoss ħaseb li taru ċ-ċilindri tal-gas li kellu d-dar, iżda malli qam mis-sodda biex jinżel isfel, xamm riħa ta’ kubrit.

Irrefera għall-isplużjoni bħala att kodard li għadu ma jafx għaliex sar jew minn min sar.

B'ton imbikkem qal li hu u martu għadhom ixxukkjati, iżda rringrazzja lill-Pulizija u lill-awtoritajiet li tawhom l-appoġġ tagħhom f'dan il-mument kruċjali.

Bħalissa għaddejja wkoll inkjesta maġisterjali li qed tanalizza fost l-oħrajn filmati mill-kameras tas-sigurtà.

Sandro Ciliberti għandu diversi interessi kummerċjali f’numru ta’ kumpaniji iżda saħaq li “dejjem impjega n-nies bi pjaċir u dejjem ħallashom kif suppost.”

Dwar ir-rapporti fil-midja, Sandro qal li saru diversi żbalji fir-rapporti u “jixtieq jibqa’ jgħix f’daru b’mod trankwill”.