Awdjo: “Magħna jirkbu b’xejn u mal-Arriva jħallsu” – xufier tal-UBS

Xufier ta’ waħda mill-karozzi tal-UBS (Unscheduled Bus Service), li qed joperaw fir-rotot tal-bendy buses tal-Arriva, qal ma’ Newsbook.com.mt li magħhom il-passiġġieri jirkbu b’xejn filwaqt li mal-Arriva jkollhom iħallsu.  Żied jgħid li "bil-biljett jew mingħajru, xorta qed inrikkbu l-passiġġieri".

Dalgħodu Newsbook.com.mt mar il-venda tal-Belt fejn ħa l-kummenti tax-xufiera tal-operatur privat u tal-passiġġieri li jiddependu fuq it-trasport pubbliku.

Minn naħa tagħhom uffiċjali tal-Arriva qalu ma’ Newsbook.com.mt li bl-introduzzjoni ta’ dan is-servizz, kollox mexa normali u ma kien hemm l-ebda kunfużjoni.

Madanakollu ma naqsitx ir-rabja ta’ diversi persuni li kienu ilhom għal ħin twil jistennew tal-linja, b’mod partikolari dawk li kienu sejrin Wied il-Għajn u l-Isla.

Ma naqasx lanqas il-kliem dispreġġjattiv dwar il-bendy buses fejn saret referenza wkoll lejn dak li ġie rrappurtat fil-midja internazzjonali.

Turisti qalu ma’ Newsbook.com.mt li minbarra li x-xufiera tal-karozzi tal-linja f’Malta huma arroganti, żammewlhom aktar milli suppost mingħajr ma tawhom biljett.

Ħalli l-kumment tiegħek hawn taħt.