Awdjo: Ma tantx se ngawduha x-xemx tal-lum

Wara jumejn bil-ħalbiet tax-xita, jidher li għad baqgħalna nistennew sa nhar is-Sibt biex ikollna ġurnata sħiħa bix-xemx tiżreġ.

Skont l-Uffiċċju Meteoroloġiku, baqgħalna sa nhar il-Ġimgħa li ġej bil-qtar tax-xita. 

Jidher li x-xita li tagħmel f’Malta fl-aħħar ta’ Awwissu u l-bidu ta’ Settembru hija kkawżata mill-fatt li bħal dan iż-żmien ix-xemx tkun inqas qawwija fuq id-deżert.

Mill-1 ta’ Settembru ‘l hawn fuq il-gżejjer Maltin għamlet 15.5 millimetru ta’ xita.  Fl-aħħar 24 siegħa f’Malta niżlet 12.5 millimetri filwaqt li f’Għawdex għamlet 19-il millimetru ta’ xita. 

Bħal dan iż-żmien sena, Malta u Għawdex inqabdu fuq sieq waħda hekk kif il-gżejjer intlaqtu minn maltempata qawwija li damet għaddejja għal sigħat sħaħ.

L-effetti tax-xita qawwija l-aktar li nħassu kienu fil-widien ta’ Ħal Qormi, B’Kara u l-Imsida fejn ħafna vetturi spiċċaw mkaxkra mal-ilma u anke saret ħafna ħsara lid-djar li mtelew bl-ilma.

Intlaqtu wkoll ħażin il-mini ta’ Santa Venera fejn saħansitra kien hemm persuni li nqabdu bil-karozza tagħhom fil-mina hekk kif dawn imtlew bl-ilma tax-xita.

Il-maltempata tat-3 ta’ Settembru tas-sena l-oħra ħalliet mejjet lil Peter Paul Delia, ta’ 39 sena minn Wied il-Għajn.  Għall-ħabta tal-4:40pm, fil-ħin li kienet nieżla x-xita, Peter Paul kien qiegħed għall-kaċċa ma’ sieħbu fl-għalqa f’Wied il-Għajn. 

Malli bdiet tiżdied ix-xita, daħlu jistkennu fid-dura u kien dak il-ħin li sajjjetta laqtet il-kamra li kienu fiha, u b’xi mod laqtet ukoll lil Peter Paul.

 

Ir-ritratti huma tal-maltempata li għamlet f'Settembru 2012.