Awdjo: “Ma nistgħux nagħmlu distinzjoni bejn gay u immigrant” – Lawrence Gonzi

L-eks-Prim Ministru Lawrence Gonzi qal li ma nistgħux nagħmlu distinzjoni bejn persuna omosesswali u immigrant irregolari, sempliċiment għax wieħed għandu vot u ieħor le.
F’kumment lil Newsbook.com.mt, Dr Gonzi qal li "f’Malta jekk ikollok €1 miljun tixtri ċ-ċittadinanza Maltija, iżda jekk tiġi Malta b’dingi tiġi trattat ta’ kriminal. Żied jgħid li l-kejl uffiċjali li adottat Malta hu li ssir distinzjoni bejn min għandu l-flus u min le.
Lawrence Gonzi saħaq li jkun ipokrita min jagħmel argument b’emozzjoni u b’saħħa ma’ persuna, u ma jagħmilx l-istess ma’ persuna oħra. Sostna li huwa importanti li wieħed ikun konsistenti ma’ kulħadd.
Qal li jemmen li l-Maltin għandhom ħafna valuri, u għandhom ikunu dawn il-valuri li jiggwidawna ‘l quddiem. Sostna kif kull persuna, hi x’inhi l-orjentazzjoni sesswali tagħha, kulur tal-ġilda, twemmin politiku u twemmin reliġjuż, għandha valur daqs kull wieħed u waħda minna. Temm jgħid li l-punt kardinali hu li l-valuri għandhom ikunu l-istess u applikabbli għal kulħadd.