Awdjo: “Ma nistgħux inkunu Nsara tal-Quddies biss”

"Ma nistgħux inkunu Insara tal-Quddies biss". Dan kien il-messaġġ ewlieni li wassal Patri Victor Paul Farrugia fil-priedka ta’ nhar it-Tlieta li għadda fl-Ewwel Jum tat-Tridu fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Pawl.
Ma’ Newsbook.com.mt, il-Pirjol tal-Kommunità tal-Knisja Parrokkjali ta’ Santa Venera Patri Victor Paul Farrugia aċċenna fost l-oħrajn għal xi kummenti razzisti li jittellgħu minn xi Maltin fuq il-midja soċjali.
Spjega li kummenti bħal dawn qed itappnu l-kredibiltà ta’ Malta bħala pajjiż Kattoliku.
Saħaq li dawk li fuq il-midja soċjali jiktbu kummenti dispreġġjattivi jew razzisti fil-konfront ta’ immigranti jew persuni barranin, qatt ma jistgħu jissejħu “Insara awtentiċi”.
Qal li din ir-realtà tal-immigrazzjoni qed tolqot lil Malta mill-qrib, fejn anke s-sena l-oħra baqa’ impressjonat meta għadd ta’ immigranti li għerqu fil-Mediterran, kienu spiċċaw Malta bħala numru għax ma setgħux jiġu identifikati.
Bl-istess mod kif missirijietna laqgħu lil San Pawl, kompla jispjega Patri Farrugia, illum għandu jintlaqa’ kull min jiġi fil-gżira tagħna, partikolarment fl-isfond tal-Ġublew tal-Ħniena.
Patri Victor Paul Farrugia temm jgħid li jekk aħna Insara vera, għandna nkunu Insara veri kullimkien, u dan jinkludi wkoll il-mezzi soċjali.
Kompla jgħid li minbarra li nilqgħuhom, għandna wkoll nagħtu każ il-problemi u l-bżonnijiet tal-istess immigranti.
Ritratt: Mark Micallef Perconte