Awdjo: “Ma konniex konxji li l-velenu jista’ joqtol il-qtates” – Kunsill Birkirkara

Ilbieraħ filgħodu is-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara ċempel lis-sanità dwar ilment ta’ firien fi Ġnien l-Istazzjon, biex jitpoġġa l-velenu. Però, ma kienx jaf li l-velenu li tpoġġa jikluh il-qtates, u għalhekk ordna li jerġa’ jitneħħa.

“Jien bl-ebda skop ma ridt noqtol il-qtates”, qal is-Segretarju Eżekuttiv Neil Spiteri f’kumment ma’ Newsbook.com.mt. Spjega li bħala kunsill lokali, għamlu l-cat shelters, u wkoll għamlu feeders li jitpoġġa l-ikel fihom.

Spiteri spjega li kien każ bħal dejjem, fejn meta jidħol ilment hekk, dejjem isir rapport lis-sanità. Għalhekk, tas-sanità poġġew il-pakketti tal-velenu tal-ġrieden. Però, huwa ma kienx jaf li dawn il-pakketti tal-velenu jikluhom ukoll il-qtates. Huwa sar jaf wara li ċemplitlu waħda li tieħu  ħsieb il-qtates, tispjegalu dan, u għalhekk ċempel lil tas-sanità biex ineħħuhom.

“Il-hatespeech li kelli kien enormi”, żied jgħid Spiteri, hekk kif spjega li kien hemm kummenti fejn nies qalulu biex jiekol il-pakketti tal-velenu hu.

Il-każ sar magħruf wara li l-blogger Alison Bezzina tellgħet post fuq Facebook fejn spjegat fid-dettal dwar x’seħħ ilbieraħ filgħodu. Qalet li meta avviċinat lir-raġel li kien qed ipoġġi l-velenu biex tgħidlu li tinsab imħassba dwar il-qtates li hemm fil-Ġnien, huwa qalilha li kien qed isegwi ordnijiet mill-Kunsill. Hija qalet li wara li kien hemm kuntatt mal-Kunsill, huma damu ma ammettew, iżda fl-aħħar irriżulta li kien xi ħadd mill-Kunsill li qabbad lir-raġel ipoġġi velenu minħabba l-ġrieden.

Fuq Facebook hija appellat lill-pubbliku biex joqgħod attent meta xi ħadd jieħu lill-klieb u l-qtates f’dan il-Ġnien minħabba li jista’ jkun fadal xi pakketti tal-velenu.

 

ATTENTION BIRKIRKARA This morning when I went to Gnien l-Istazzjon I met a guy who informed me that he had just spread…

Posted by I Will Not Go Away – Alison Bezzina on Wednesday, May 15, 2019