Awdjo: “Ma jistax ikun li fil-Belt kulħadd jiġbor l-iskart x’ħin irid” – Deo Debattista

Is-Segretarju Parlamentari għall-Valletta 2018 u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Deo Debattista qal li jinsabu fi stadju avvanzat id-diskussjonijiet biex il-Gvern jirregolarizza l-ġbir tal-iskart fil-Belt Valletta.
Ma’ Newsbook.com.mt, Dr. Debattista spjega li hemm numru ta’ kuntratturi li jieħdu ħsieb jiġbru l-iskart mill-Belt Valletta u saħaq li ma jistax ikun li kulħadd jibqa’ jidħol x’ħin irid hu.
Qal li wara diskussjoni ma’ dawk kollha involuti, se jkunu stabbiliti regoli li fost affarijiet oħra jistabilixxu l-ħin li fih jinġabar l-iskart u l-kobor tal-vetturi li jiġbruh.
Dan se jkun qiegħed isir bi ftehim mal-entitajiet kollha involuti, fosthom il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta u anke l-GRTU.
Dr Debattista spjega li l-Belt Valletta ma għadhiex dik li kienet sa ftit snin ilu, meta mis-sebgħa ‘l quddiem kont toqtol u tidfen. Qal li illum il-Belt hija ħajja u ma jistax ikun li trakkijiet tal-iskart jidħlu jiġbru l-iskart meta Maltin u turisti jkunu qed igawdu s-serata fil-Belt Valletta.
Spjega li s-Segretarjat Parlamentari se jkun qed iżid l-infurzar biex kemm l-operaturi, sidien tal-ħwienet, ristoranti u anke r-residenti iżommu mal-ħinijiet li fih jinġabar l-iskart.
“Il-problema tal-iskart mhux tal-Belt biss”
Apparti minn hekk, is-Segretarju Parlamentari spjega li l-problema tal-ġbir tal-iskart mhijiex tal-Belt Valletta biss imma ta’ diversi lokalitajiet oħra.
Saħaq li n-numru ta’ nies li jaħdmu u jgħixu Malta qed jiżdied, il-popolazzjoni qed tikber u l-istatistika turi li turisti jiġġeneraw id-doppju tal-iskart tal-Maltin. Spjega kif f’Ġunju li għadda, bejn Maltin u turisti, f’Malta kien hawn mas-700,000 persuna.
Għalhekk is-Segretarjat Parlamentari għaddej b’diskussjonijiet mal-Kunsilli Lokali bil-għan li jkun hemm sistema aħjar għall-ġbir tal-iskart.
“Se jiżdiedu l-ħaddiema mad-Dipartiment għat-Tindif”
Filwaqt li rringrazzja lill-ħaddiema kollha, saħaq li se jkunu qed jiżdiedu l-ħaddiema fi ħdan id-Dipartiment għat-Tindif biex ikun jista’ jilħaq aktar mad-domanda.
“Għall-Belt Valletta, il-V18 se tkun biss il-bidu”
Dwar id-dehra inġenerali tal-Belt Valletta, li fi ftit xhur oħra se tkun il-Belt Kapitali Ewropea għall-Kultura, Dr Debattista qal li għaddejja ħidma, anke mal-Ministeru għat-Transport bil-għan li fil-ġimgħat li ġejjin se jittranġaw xi toroq u anke jinbidel xi paviment.
Spjega li mhux se jkun qiegħed jinqala’ ħafna xogħol waqt l-2018, iżda saħaq li l-Belt Kapitali Ewropea se tkun biss il-bidu ta’ dak li se jsir fil-Belt Valletta.
Fost il-proġetti li għaddejin bħalissa hemm it-tindif tal-mini li jagħtu għal Marsamxett u s-Segretarjat Parlamentari qed jistenna wkoll il-permess biex ikun jista’ jnaddaf l-arkati ta’ quddiem il-Kon Katidral ta’ San Ġwann filwaqt li ma ssirx ħsara lill-paviment taħt l-istess arkati.