Awdjo: Ma jiċċelebrawx l-Għid għax joqtluhom bħal Kristu

Id-Direttur Nazzjonali tal-Aid to the Church in Need (ACN) Neville Kyrke-Smith semma kif familja Sirjana li tħaddan ir-reliġjon nisranija ħarbet lejn il-Ġordan wara li qalulhom biex ma jiċċelebrawx l-Għid il-Kbir inkella jinqatlu bħal Kristu.
Huwa qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Furjana li fiha tkellem ukoll id-Direttur tal-ACN f'Malta Stephen Axisa li kkwota ċifri internazzjonali li juru li 80% tal-presekuzzjoni reliġjuża hija kontra l-insara. Żied jgħid li huwa stmat li 200 miljun kattoliku mhumiex ħielsa li jgħixu l-fidi tagħhom mingħajr diskriminazzjoni, opressjoni u persekuzzjoni.
Ma' Newsbook.com.mt, Stephen Axisa qal li l-għanijiet tal-ACN jinġabru fi tlieta: talb, informazzjoni u azzjoni. Żied jgħid li fl-ACN bħalissa qed taħdem f'130 pajjiż u fost l-oħrajn l-ACN tgħin biex 18,000 seminarista fis-sena jkomplu jistudjaw, tgin biex terġa' twaqqaf knejjes li ġew imġarrfa jew maħruqa.
Waqt il-konferenza tal-lum ingħataw id-dettalji dwar konferenza internazzjonali dwar il-persekuzzjoni tal-Insara li se ssir f'lukanda ewlenija f'San Pawl il-Baħar fit-12 u t-13 ta' Mejju li ġej. Għal din il-konferenza se jattendu fost l-oħrajn, il-President tal-ACN, il-Kardinal Mauro Piacenza, il-Patrijarka Gregorius it-Tielet ta' Antijokja u żewġ Isqfijiet u soru fil-Libanu li tħadem ħafna fost is-Sirjani li qed jaħarbu mill-pajjiż. Il-konferenza se tibda b'quddiesa fil-Konkatidral ta' San Ġwann fil-Belt Valletta it-Tnejn 12 ta' Mejju fid-9 ta' filgħodu.
Parteċipazzjoni għall-konferenza hija b'xejn iżda dawk interessati huma mħeġġa biex jirreġistraw. Għal aktar dettalji wieħed jista' jibgħat imejl fuq info@acnmalta.org jew iċempel fuq 21487818.