Awdjo: ‘Ma għandu jsir l-ebda żvilupp fil-Ħondoq’ – diversi għaqdiet ambjentali

Il-Moviment Ħarsien Ħondoq flimkien ma diversi għaqdiet ambjentali oħra, qed jappellaw lill-MEPA sabiex tirrevedi l-pjan lokali għall-Ħondoq u sabiex tirrifjuta li toħroġ permessi għall-iżvilupp.

Il-Moviment qed isostni li diversi għaqdiet u kummissjonijiet fil-passat diġà tennew li kwalunkwe żvilupp fiż-żona tal-Ħondoq f’Għawdex, m’huwiex wieħed sostenibbli. Kif tista' tisma' fl-awdjo, Newsbook ħa l-kummenti ta kelliem għall-Moviment Ħarsien Ħondoq Paul Buttigieg li qal li minbarra li hija żona ta’ importanza ekoloġika, hemm ukoll il-problema tal-aċċess għall-għawm fil-bajja tal-Ħondoq, li qal ma tibqax aċċessibli jekk din tinbidel f’marina għall-jottijiet.

Din l-inizjattiva għandha wkoll l-appoġġ ta‘ diversi għaqdiet oħra fosthom Flimkien għal Ambjent Aħjar, l-Assoċjazzjoni tar-Ramblers, NatureTrust, Friends of the Earth Malta u Din l-Art Ħelwa. Dawn kollha qed jappellaw lill-MEPA sabiex tirrevedi l-pjan lokali tagħha sabiex dan jerġa jsir kif kien qabel l-2006 meta ma kienx jista’ jinħareġ l-ebda permess għall-iżvilupp fil-Ħondoq.

Il-pubbliku ġenerali għandu ċ-ċans li jsemma leħnu kontra dan l-iżvilupp permezz ta‘ petizzjoni online fuq is-sit tal-MEPA.