Awdjo: “M’għandi l-ebda ambizzjoni li nsir PM” – Edward Scicluna

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li ma għandu l-ebda ambizzjoni li fil-futur isir Prim Ministru, iżda jemmen li għandu kredibiltà sħiħa biex isir Viċi Prim Ministru.
F’kummenti li ta lil Newsbook.com.mt, il-kandidat għall-kariga ta’ Viċi Mexxej Laburista, Edward Scicluna qal li mill-bidu nett, kien offra li jgħin lil Joseph Muscat għax kien politiku żagħżugħ b’ideat moderati.
Dwar l-età tiegħu, Edward Scicluna qal li l-esperjenza u r-responsabiltà huma iktar importanti u kien għalhekk ippreċiża li l-kandidatura tiegħu ma għandhiex motivi ulterjuri. Qal li l-kredibiltà li tkun qed tgħin lil Malta hija essenzjali għal din il-kariga.
Il-Ministru Scicluna kompla jgħid li mhuwiex interessat f’xi kariga ta’ Kummissarju Ewropew għax ħa d-deċiżjoni li se jibqa’ jservi l-elettorat Malti li eleġġih minn fuq żewġ distretti.
Meta mistoqsi dwar l-isfidi tal-Partit Laburista, il-Ministru Edward Scicluna qal li dan irid jissaħħaħ u jitgħallem mill-esperjenzi tiegħu, iżda jrid ukoll ikompli jaġġorna ruħu speċjalment fil-qasam tal-komunikazzjoni.