Awdjo: Lino Farrugia Sacco qatt ma stenna impeachment kontrih

L-Imħallef Emeritu Lino Farrugia Sacco qal li qatt ma stenna li se titressaq kontrih mozzjoni ta’ impeachment kontrih u ddeskriva l-każ tiegħu bħala “storja mdawra b’ħafna politika li ma tgħidx il-verità”.
Ħames xhur wara li rtira mill-bank tal-ġudikatura, waqt il-programm Ma’ Bundy fuq RTK, Farrugia Sacco sostna li qatt ma mmaġina “xi ħaġa bħal din f’pajjiż li suppost hu demokratiku”.
Qal li f’16-il sena, qatt ma ġie infurmat li jekk jibqa’ President tal-Kumitat Olimpiku Malti, se jitneħħa mill-kariga.  Dan minkejja li fir-rapport tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, ippubblikat f’Jannar 2014, hemm imniżżel li kien imwissi mill-Kummissjoni biex jirriżenja mill-kariga.  Għall-Kummissjoni, l-Imħallef kiser il-kodiċi tal-etika meta baqa’ President tal-Kumitat Olimpiku Malti. 
Il-każ ta’ Lino Farrugia Sacco jmur lura għall-2012 meta The Sunday Times of London allegat li kien involut f’bejgħ illegali ta’ biljetti għal-Logħob Olimpiċi tax-Xitwa f’Sochi 2014. 
Mistoqsi dwar kif jista’ jiddefendi ruħu minn dawn l-akkużi, l-Imħallef Emeritu qal li ma jeskludix li jieħu dan il-każ quddiem istituzzjoni barra minn Malta. 
Dwar jekk jaħfirx lil min għamillu l-ħsara, Farrugia Sacco wieġeb li bħala kattoliku obbligat li jaħfer. 
Waqt l-intervista, l-Imħallef Emeritu tkellem ukoll dwar l-indħil tal-politiċi u qal li “sfortunatament, il-politiċi Maltin ma jagħmlux il-ħajja ta’ ġudikant faċli”.  Sostna wkoll li kull ġudikant ikollu problemi ma’ xi politiċi, min aktar u min inqas. 
Tkellem ukoll dwar is-snin tmenin meta l-libelli kienu jittieħdu b’serjetà kbira iżda rrimarka li ma jistax jifhem kif fl-awla tal-Qorti, il-politiċi kienu jiġġieldu ħafna iżda mbagħad imorru jiedħdu kafé flimkien.