Awdjo: “Libertà tal-kelma ma jfissirx li tista’ tinċita mibegħda” – Immanuel Mifsud

Matul dawn l-aħħar jiem reġa’ qam id-dibattitu fuq il-libertà tal-kelma.
Newsbook.com.mt tkellem mal-awtur Immanuel Mifsud, li spjega li “qabel konna nitkellmu jekk għandux ikollna ċensura jew le imma llum id-dibatittu hu sa fejn għandna naslu fil-libertà tal-kelma”. Qal li bħalissa qed tkun imbutata l-idea li l-libertà tal-kelma ma għandux ikollha limiti, “anzi jekk naf li jien ħa nagħmel xi ħaġa li ħa tweġġgħek jien xorta waħda ma għandux ikolli limiti fuq dak li ngħid”. 
Mifsud irrefera għall-każ tar-rivista Charlie Hebdo, bħala “fenomenu li ma jagħrafx li hemm limiti għas-satira”.
Huwa kkummenta li wara t-traġedja ta’ Charlie Hebdo kulħadd beda jtella’ fuq il-midja soċjali Je Suis Charlie, "Madanakollu, mhux kulħadd kien konxju x’tirrapreżenta din ir-rivista."
Mifsud spjega li sena wara li Charlie Hebdo kien fuq fomm kulħadd, ħafna nies ħassuhom offiżi minnu għax ħareġ karikatura bil-memorja ta’ dak it-tfajjel immigrant li prova jaqsam il-baħar u spiċċa mgħarraq. 
Sostna li minkejja li jemmen bil-libertà tal-kelma, jiddejjaq jekk xi ħadd jinċita mibegħda lejn razza, sess jew grupp partikolari. Sostna li dawn il-kummenti jdejquh u ma jkunx irid li jkollu x’jaqsam magħhom.
L-awtur spjega li problema oħra dwar il-libertà tal-kelma hija li filwaqt li hemm moviment qawwi favur il-libertà tal-kelma qed ngħixu fi żmien li bdejna niffisaw fuq il-korretessa politika.
Qal li dawn iż-żewġ fenomeni jmorru kontra xulxin minħabba li anki sempliċiment ċajta normali, il-qawwa tagħha hi li ma tkunx koretta politikament.
Mifsud spjega li l-bniedem min-natura tiegħu malli jara xi ħaġa li jisfida t-twemmin  tiegħu, mhux biss ir-reliġjon, għandu t-tendenza li jsikkett lil dak li jkun.
Ir-reazzjoni immedjata tal-individwu malli jintebaħ li xi ħadd qed jikkuntraljah hi li jagħlaqlu ħalqu, jekk mhux b’mod vjolenti, b’mod diplomatiku.
B’referenza għal esperjenza tiegħu fil-kumment li qal dwar l-istrina, qal li l-kummenti li kellu kienu t-tip ta’ agħlaq ħalqek. Tenna li t-tendenza hi li jekk ma naqbilx miegħek jien nipprova nsiktek u mhux nipprova nirraġuna miegħek. 
Immanuel Mifsud temm jgħid li “l-agħar ħaġa li tista’ tiġri hi meta nipprova nagħlaqlek ħalqek meta ma nafx x’għidt eżattament jew x’inhi l-intensjoni tiegħek. Meta naslu f’punt li fih nibdew niċċensuraw u nagħlqu ħalq lilna nfusna nkunu wasalna f’punt ikrah”.