Awdjo: “Li nkun President ta’ Malta mhux parti mill-pjan tiegħi”

Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana xejnet li ġiet avviċinata għall-kariga ta’ President ta’ Malta u qalet li, li tkun President tar-Repubblika mhix parti mill-pjanijiet tagħha.

Dan qalitu għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt wara li diversi sorsi qalu li Dr Caruana ġiet avviċinata għal din il-kariga, wara li jispiċċa t-terminu tal-President Marie Louise Coleiro Preca.

Hija ċaħdet li ġiet avviċinata u stqarret li hi ġiet fdata bir-responsabbiltà tal-Ministeru għal Għawdex. Kompliet tgħid li minbarra l-karriera politika għandha wkoll dik professjonali tagħha.

Min iktar qed jissemma għal President?

Diversi politiċi u eks politiċi qed jissemmew biex ikunu suċċessuri ta’ Coleiro Preca fosthom George Vella, Evarist Bartolo u Louis Grech.

It-terminu ta’ Coleiro Preca bħala President ta’ Malta se jispiċċa fl-4 ta’ April 2019. Is-suċċessur ta’ Coleiro Preca se jkun l-għaxar President ta’ Repubblika.

Skont il-Kostituzzjoni ta’ Malta l-President ħa post ir-reġina bħala l-Kap ta’ Stat simboliku. Il-mandat ta’ President huwa ta’ ħames snin u jinħatar mill-Parlament.

L-ewwel President ta’ Malta kien Anthony Mamo li laħaq fl-1974.