Awdjo: Li ħallsuni prova li ma jistgħux jagħmlu mod ieħor – Efimova

Read in English.

Maria Efimova, il-whistleblower Russa fil-każ ta’ Egrant u eks impjegata tal-Bank Pilatus qalet ma’ Newsbook.com.mt li l-fatt li l-Bank taha l-ħlas pendenti, juri “li ma jistgħux jagħmlu mod ieħor”.

Efimova stqarret li għalhekk tħossha sodisfatta, u mhux għax se tieħu l-flus tax-xogħol li għamlet. Saħqet li minkejja li l-bank u sidu għandhom il-poter u huma nies tal-flus, dan il-każ taha l-provi f’idejha li ma jistgħux jheddu lin-nies.

Irrimarkat li d-deċiżjoni ttieħdet qabel ma nqatgħet is-sentenza tal-appell fejn ġie deċiż li ma tiġix estradita lejn Malta. Fissret kif l-avukat tat-Tribunal Industrijali mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali għamel kuntatt mal-avukat Grieg li rrappreżentaha f’dan il-każ. Kompliet tgħid li hi ċemplet lill-avukat tagħha f’Malta li qalilha bl-intenzjoni tal-Bank Pilatus li jħallasha ta’ xogħolha.

Maria Efimova enfasizzat li revalazzjonijiet hemm iktar minn biżżejjed biex mhux biss jingħalaq il-Bank, iżda wkoll biex jiġu investigati d-diretturi tal-istess Bank. Saħqet li dawn għandhom jidhru quddiem il-ġustizzja għax kienu parteċipi f’attivitajiet illegali. Temmet tgħid li tispera li l-awtoritajiet Maltin jieħdu l-passi neċessarji.