Awdjo: Li ġara fil-Parlament hu riflessjoni ta’ x’jiġri wara l-bibien magħluqa

L-attivista Amy Camilleri Zahra saħqet li dak li ġara fil-Parlament bejn Marlene Farrugia u Joe Debono Grech hu riflessjoni ta’ x’jiġri fl-iskejjel, fuq il-post tax-xogħol u wara l-bibien magħluqa bejn mara u raġel.
Hekk kif il-25 ta’ Novembru jfakkar il-Jum Internazzjonali kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa, Camilleri Zahra spjegat kif kienet iddiżappuntata ferm meta rat x’ġara fil-Parlament, wara li kienet għamel tlett ijiem tipparteċipa f’sett ta’ diskussjonijiet organizzati mill-Commonwealth Women’s Forum.
Qalet li minkejja li sar ħafna avvanz fuq id-drittijiet tan-nisa, għad hemm ħafna x’għad irid isir. Spjegat kif dak li qalet Marlene Farrugia fil-Kamra tal-Parlament hu relevanti ħafna għall-ġurnata tal-lum, minħabba li ħafna huma dawk in-nisa li għadhom jesperjenza diversi forom differenti ta’ abbuż.
L-attivista qalet li hu ironiku kif għandna Parlament li qed jgħaddi liġijiet biex jonqos l-abbuż imbagħad tisma’ dak it-tip ta’ diskors bejn żewġ Membri Parlamentari fil-bini tal-Parlament. Saħqet li lanqas jekk tkun irrabjat m’għandek qatt tasal tgħix dak il-kliem.
Camilleri Zahra qalet li saru ħafna affarijiet pożittivi matul is-snin fejn jidħlu d-drittijiet tan-nisa, iżda għad hemm ħafna x’għad irid isir. Saħqet li tibża’ li waqajna f’fażi fejn naħsbu li għandna kollox tajjeb peress li f’Malta għandna ħafna drittijiet għan-nisa meta kkomparat ma’ pajjiżi oħra.
Qalet li verament inkunu wasalna fi stat ta’ ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel meta raġel imur lura x-xogħol wara li jkollu tarbija u l-kollegi jsaqsuh kif qed jirnexxielu jlaħħaq max-xogħol u mal-familja.
Tkellmet ukoll dwar vjolenza domestika fuq nisa b’diżabilità, li spiss jiltaqgħu ma’ sfidi kbar minħabba d-diżabilità tagħhom. Qalet ukoll li ħafna drabi l-abbuż isir mill-carers tagħhom, jew ma jingħatawx il-mediċina li għandna bżonn jew inkella jingħatawx l-għajnuna li jkollhom bżonn. Minħabba ċ-ċirkostanzi li jkunu jinsabu fihom, ikollhom il-biża’ jirrappurtaw is-sitwazzjoni.
Fuq il-mezzi soċjali, Marlene Farrugia qalet li f’Malta, fl-2015, hi stess bħala Membru Parlamentari, sfat insulentata u mhedda bi vjolenza fiżika fil-Kamra tar-Rappreżentanti u saqsiet kif tista’ mara tħossha sigura f'Malta taħt Gvern Laburista.