Awdjo: L-Arċisqof dwar dak li m’għandux isir fil-festi

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li d-dilettanti tal-festa għandhom jgħidu le “bil-pulit iżda bis-saħħa” għad-drogi fil-festa.
Fil-kummentarju li xxandar illum fuq RTK, l-Arċisqof appella liż-żgħażagħ biex fl-istaġun tal-festi jieħdu gost fil-briju u fil-marċi, iżda jevitaw xorb żejjed.
Saħaq li jrid li l-festi tal-irħula jibqgħu sbieħ u siguri, fejn il-ġenituri jkunu jistgħu jibagħtu lil uliedhom f’xi marċ b’moħħhom mistrieħ. Kompla jgħid li huwa importanti li l-festi ma jnisslux mibegħda iżda li jressqu lill-Kattoliċi lejn Ġesù u mhux ibiegħduh. Qal li dan jista’ jsir permezz tas-sagramenti tal-Qrar u tat-Tqarbin.
L-Arċisqof Scicluna ddeskriva l-festi bħala espressjoni tal-kultura Maltija, li dejjem għandha tfakkar fil-misteru ewlieni li nkunu qed niċċelebraw. Qal li kull festa hija xrara mill-festa qawwija tal-Għid il-Kbir, u li l-qaddisin huma espressjoni sabiħa ta’ din il-fidi.
Fl-istess waqt stqarr li huwa tajjeb li fil-festi nibqgħu nieħdu ħsieb il-batut u dan ma għandux isir biss permezz ta’ kampanji ta’ solidarjetà.
L-Arċisqof Scicluna kompla jgħid li ċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi m’għandhomx joħolqu tbatijiet żejda għal min jinsab id-dar f’xi sodda, għall-persuni b’diżabilità jew għal dawk li jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli f’ħajjithom.
Filwaqt li qal li l-mużika, in-nar u l-armar huma kollha espressjonijiet sbieħ tal-fidi, sostna li kulħadd irid jirrispetta l-liġijiet tal-pajjiż.