Awdjo: Lawrence Gonzi lura l-Maldives fi żmien ħmistax

F’inqas minn ġimagħtejn oħra, l-eks Prim Ministru Malti Dr Lawrence Gonzi se jerġa’ jħalli Malta għal Maldives fejn għadu għaddej il-proċess elettorali għall-għażla tal-President tal-pajjiż.

Dr Gonzi rritorna mill-Maldives fil-jiem li għaddew, fejn kien qed imexxi delegazzjoni magħmula minn 17-il espert mill-pajjiżi tal-Commonwealth u milll-Indja.

Xogħol din id-delegazzjoni kien li tosserva l-elezzjonijiet fil-pajjiż.

Ma’ Newsbook.com.mt, Lawrence Gonzi qal li d-delegazzjoni setgħet tiddikjara li s’issa l-proċess elettorali kien wieħed ġust.

Żied jgħid li minħabba li ħadd mill-kandidati ma’ ġab il-50% + 1 tal-voti, se jkun hemm elezzjoni oħra bejn iż-żewġ kandidati li ġabu l-akbar ammont ta’ voti. Dan se jsir bejn l-aħħar ġimgħa ta’ Settembru u l-ewwel jumejn ta’ Ottubru.

Huwa spjega kif bħalissa hemm kwistjonijiet bejn il-kandidati bejniethom.

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar is-sistemi elettorali fil-Maldives u f’Malta, Dr Lawrence Gonzi qal li fil-Maldives hemm madwar 340,000 persuna eleġibbli biex jivvutaw, u li l-kundizzjonijiet ekonomiċi huma simili għas-sitwazzjoni f’Malta madwar 35 sena ilu.

Sostna li l-Maldives għadha demokrazija żagħżugħa peress li l-pajjiż ilu li sar demokratiku madwar tmien snin ilu biss.