Awdjo: “L-Università trid tinfetaħ għal iżjed nies” – Disinjatur dwar l-emblema l-ġdida

Id-disinjatur grafiku Jeremy Pace qal li bil-bidla fl-emblema, l-Università ta’ Malta qisha riedet turi li tixtieq tinfetaħ għal iżjed nies.
Ma’ Newsbook.com.mt, Pace spjega li d-dehra tal-logo ġeneralment tirrifletti d-direzzjoni li se tkun qed tieħu l-kumpanija, id-ditta jew inkella f’dan il-każ, l-istituzzjoni edukattiva.
Fl-aħħar jiem qamet diskussjoni sħiħa dwar l-emblema l-ġdida tal-Università ta’ Malta, wara li fost tibdiliet oħra, minnha tneħħa l-vers: “Ut Fructificemus Deo” (Nagħmlu l-frott għal Alla).
Fost l-oħrajn dan wassal għal reazzjonijiet minn edukaturi u letturi, fosthom Dun John Berry li kiteb fuq Facebook jikkritika l-fatt li mill-emblema tneħħiet kull referenza għal Alla.
Qabbel il-libsa ġdida li addottat l-Università ta’ Malta, mal-bidla fl-emblema tal-Università ta’ Oxford li żammet il-vers: “Dominus Illuminatio Mea” (Alla huwa d-dawl tiegħi).

Iżda għal mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, l-Università ta’ Malta qalet li l-iskrizzjoni bil-Latin inżammet u se tibqa’ tidher fuq l-emblema ċerimonjali (li wkoll sarilha tisbieħ) li tintuża f’ċerimonji bħall-ftuħ tas-sena akkademika, iċ-ċerimonji tal-Honoris Causa u anke fuq iċ-ċertifikati tal-gradwazzjoni.


L-Università saħqet li d-disinn grafiku, li hu ħafna iżjed sempliċi, sar bil-għan li jkun aktar faċli li tagħmel riproduzzjoni tiegħu u l-vers bil-Latin tneħħa biss minn din il-verżjoni.

Għalhekk, sa ċertu punt, l-Università ċaħdet li għandha emblema ġdida.
Mistoqsi jekk jagħmilx sens li jkollok emblema li tintuża għaċ-ċerimonji u disinn ieħor sempliċi li jintuża f’każi oħra, id-disinjatur Jeremy Pace qal li din hija prattika komuni ħafna.
Spjega li ħafna drabi jkollok l-identità prinċipali, iżda ma tkunx tajba biex tintuża fiċ-ċokon, bħal fuq xi sit jew riklam fuq it-televiżjoni u għalhekk ikun hemm verżjoni iżjed sempliċi.
Fil-fatt, l-Università qalet ma’ Newsbook.com.mt li d-disinn il-ġdid jidher aħjar meta l-emblema tintuża fiċ-ċokon jew inkella f’forom diġitali.