Filmat: L-uniku Malti li jidderieġi orkestra Barokka

Ian Peter Bugeja, li għandu 24 sena, huwa l-uniku Malti li jidderieġi orkestra Barokka.

Ftit jiem oħra se jibda jistudja fil-livell ta’ Dottorat fil-‘performance’ fil-Guildhall School of Music & Drama f’Londra. B’hekk ikompli jispeċjalizza biex jidderieġi l-orkestra.

Li jispikka fl-orkestra Barokka huwa ċ-ċokon tagħha. Ma’ Newsbook, Ian Peter jispjega li fis-sitwazzjoni ekonomika preżenti, din it-tip ta’ orkestra qed terġa’ tikseb il-popolarità u tiġi apprezzata iktar. Orkestra normali tkun magħmula minn madwar 80 jew 90 mużiċist. Orkestra Barokka ikollha madwar 20 mużiċisti.

Fil-kunċerti awtentiċi Barokki jindaqqu strumenti tal-perjodu ta’ bejn l-1600 u l-1800 u riproduzzjonijiet tagħhom u jagħmlu ħoss differenti minn strumenti moderni.

Ian Peter ilu jdoqq fil-pubbliku mindu kellu 13-il sena. S’issa kiseb bosta esperjenzi interessanti fil-qasam mużikali.

Huwa d-direttur mużikali residenti tal-orkestri Les Bougies Baroques u Coloratura Ensemble. Jivvjaġġa b’mod regolari madwar l-Ewropa għal opri u kunċerti.

F’Novembru li għadda huwa daqq għall-Princep Edward ta’ l-Ingilterra fil-’World Fellows Dinner’ li saret Malta. F’Jannar li ġej, Ian Peter se jieħu sehem fil-Valletta International Baroque Festival’. Mistenni jagħti wkoll kunċerti f’Londra u Bath ma’ Les Bougies Baroques.