Awdjo: “L-UE mhux tieħu bis-serjetà l-problema tal-faqar” – Caritas Europa

Delegazzjoni mill-Caritas Europa wriet id-diżappunt tagħha li t-tmexxija tal-Unjoni Ewropea mhux tieħu bis-serjetà l-kwistjoni tal-faqar.
F’laqgħa li l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna u d-Direttur tal-Caritas Leonid McKay kellhom ma’ delegazzjoni ta’ Caritas Europa ġie diskuss it-tagħlim soċjali tal-Knisja, fejn fost l-oħrajn iddiskutew il-problema tal-faqar u l-pagi.
Ma’ Newsbook.com.mt Mons. Scicluna spjega li flimkien qasmu informazzjoni dwar il-faqar,il-problema ta’ nuqqas ta’ xogħol u l-pagi baxxi li bihom il-familji ma jistgħux ilaħħqu sal-aħħar tax-xahar.
Spjega li din il-problema tinsab f’diversi pajjiżi Ewropej.
Mons. Scicluna qal li l-Gvern ħa deċiżjoni għaqlija meta qajjem il-punt tal-inklużjoni soċjali fil-Presidenza Maltija u awgura li l-isforzi li qed tagħmel il-Presidenza Maltija jħallu effett ukoll ta’ ġid.
Spjega li l-inklużjoni soċjali tifsser li bniedem ikollu l-mezzi biex jgħix b’dinjità.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur tal-Caritas Leonid Mckay spjega li ħidmet il-Caritas tmur lil hinn minn Malta hekk kif taħdem fuq livell internazzjonali.
Qal li ħidmet il-Caritas hija mibnija fuq it-tagħlim soċjali tal-Knisja.
Spjega li fost l-oħrajn fil-laqgħa ddiskutew li l-paga għandha tirrendi biżżejjed biex persuna tkun tista’ tixtri l-aktar affarijiet essenzjali.
Fakkar li din il-problema l-Knisja hija titkellem fuqha sa mill-1891 fl-enċiklika tal-Papa Ljun XIII.