Awdjo: L-Oratorju tal-Mosta jingħata spinta ‘l quddiem

Huma diversi ż-żgħażagħ u adulti Mostin li jiftakru lil Dun Anġ Camilleri u l-ġid kbir li kien jagħmel ma’ dawk li kienu jattendu fl-Oratorju Qalb ta’ Ġesù fil-Mosta.
Newsbook.com.mt tkellem mal-Arċipriet tal-Mosta Dun Albert Buhagiar li spjega li l-ħsieb tal-Oratorju hu li jkompli joffri ħidma pastorali maż-żgħażagħ filwaqt li jkun t’għajnuna għal diversi għaqdiet u movimenti fi ħdan din il-parroċċa tant kbira tal-Mosta.
Ta’ min isemmi li sa minn sentejn ilu, il-parroċċa tal-Mosta bdiet torganizza quddiesa kull nhar ta’ Ħadd fis-7:00pm fl-Oratorju Qalb ta’ Ġesù u li għaliha sal-lum il-ġurnata qed jattendu numru kbir ta’ żgħażagħ u adulti.
Matul il-ġurnata tal-lum qed issir open-day fejn sas-1:00pm se jkun hemm programm imtella’ bis-sehem ta’ diversi artisti u talent lokali filwaqt li wieħed jista’ jżur ix-xogħolijiet li hemm għaddejja.
Illejla fis-7:00pm se ssir quddiesa fil-grawnd tal-Oratorju u wara anke disco għaż-żgħażagħ.