Awdjo: L-MEPs Maltin ma jaqblux dwar il-futur tal-UE

Filwaqt li tnejn minn erba’ MEPs Maltin jemmnu li d-dibatitti jaħarqu u l-isfidi fl-Unjoni Ewropea qatt ma jonqsu, uħud jemmnu li l-futur hu wieħed imċajpar. Dan hu sforz in-nuqqas ta’ qbil li donnu dejjem qed jiżdied fl-UE. Fost dawn hemm id-drama li involviet il-ħatra tal-President tal-Kummissjoni Ewropea, fejn wieħed ra lill-Prim Ministru Ingliż David Cameron jopponi, prattikament waħdu, il-ħatra ta’ Jean Claude Juncker.
Newsbook.com.mt tkellem ma’ erba’ MEPs Maltin, li lkoll esprimew l-opinjoni tagħhom fuq jaħsbux li l-futur tal-Unjoni Ewropea hu wieħed imċajpar. Ir-risposti li taw l-MEPs juru nuqqas ta’ qbil bejn l-opinjonijiet tagħhom dwar x’jemmnu li hu l-futur tal-UE.
Filwaqt li Roberta Metsola temmen li la l-Unjoni Ewropea rnexxielha toħroġ mill-kriżi ekonomika li għaddiet minnha u baqgħat b’saħħitha, dan ifisser li l-futur tal-UE mhux imċajpar, Alfred Sant min-naħa l-oħra jemmen li jekk l-UE ma tilħaqx kompromess fuq kwistjonijiet bħalma huma l-immigrazzjoni irregolari u l-ħolqien tax-xogħol, il-problemi se jkomplu dejjem jikbru.
Dr Metsola ssostni li l-vera sfida hi d-dmir tad-deputati fil-Parlament Ewropew li jkompli jaħdmu biex iwasslu d-deċiżjonijiet li jittieħdu fil-Parlament Ewropew lejn Malta u Għawdex. B’mod simili, Miriam Dalli temmen li hu importanti li l-UE tiffoka iktar fuq kwistjonijiet li joltqu lill-individwi u liċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea.
Dr Dalli żżid li jekk l-UE ma tiffokax fuq dawn il-kwistjonijiet, se jkollha taffaċja sfidi kbar iktar ‘il qudddiem għax inkella ċ-ċittadini tal-UE ma jibqgħux iħossuhom parti mill-proġett Ewropew.
Therese Comodini Cachia wkoll titkellem fuq il-proġett Ewropew, u tinsisti li sabiex il-proġett jibqa’ miexi, il-Parlament Ewropew għandu jiddiskuti x’inhuma l-prijoritajiet u d-direzzjoni tal-UE.