Awdjo: L-MEPs ġodda jgħidu li l-PN u l-PL lesti jaħdmu flimkien fil-PE

It-tliet Membri Ewroparlamentari ġodda esprimew ix-xewqa tagħhom li l-MEPs tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll l-MEPs tal-Partit Laburista jaħdmu flimkien tul din il-leġiżlatura tal-Parlament Ewropew.
L-MEP Alfred Sant qal li hu ottimist f’dak li għandu x’jaqsam mal-Maltin jaħdmux bejniethom jew kontra xulxin. Sostna li la għandu jkollna tamiet kbar u lanqas għandna nkunu negattivi. Qal li hemm spazju miż-żewġ naħat biex ikun hemm azzjoni maqbula minn qabel u konġunta f’affarijiet ta’ interess nazzjonali.
Min-naħa tagħha, l-MEP Miriam Dalli qalet li hi fiduċjuża li fil-ħames snin li ġejjin se tara lis-sitt Ewroparlamentari jaħdmu flimkien u li filwaqt li jistgħu ma jaqblux fuq xi kwistjonijiet, se jpoġġu madwar mejda waħda u jiġbdu ħabel wieħed.
L-Ewroparlamentari Therese Comodini Cachia sostniet li l-Maltin u l-Għawdxin għandhom jistennew ħidma konġunta bejn iż-żewġ delegazzjonijiet, u żiedet li l-politika fuq livell Ewropew hi differenti minn dik nazzjonali.