Awdjo: L-MDA kontra aktar permessi għal bini fuq art pubblika

Iċ-Chairperson tal-Malta Developers Association Sandro Chetcuti qal li l-MDA lesta li tidħol f’alleanza mal-Gvern biex ma jinħarġux aktar permessi għal bini fl-art pubblika.
Waqt il-programm Follow up fuq RTK ippreżentat minn Sylvana Debono, Sandro Chetcuti qal li fiż-żmien li l-kostruzzjoni għaddejja ġmielha u l-privat qiegħed jinvesti b’ruħu b’ġismu, il-parir tiegħu għall-Gvern huwa li m’għandux jistimula aktar bini f’art pubblika.
Saħaq li l-art pubblika għandha titħalla hemm biex titgawda mill-pubbliku.
Sandro Chetcuti żied jgħid li mhux il-mument li l-Gvern jipproponi proġetti hekk kif dawn jistgħu jsiru f’art privata mill-privat.
Spjega li n-negozjanti qed jingħaqdu flimkien u jixtru artijiet kbar bi propjetajiet u jerġgħu jibnuhom.
B’referenza għall-art ta’ Smart City, Chetcuti qal li hija għafsa ta’ qalb meta tara dik l-art li suppost rendiet l-impjiegi spiċċat li qed jinbiegħu l-plottijiet.