Awdjo: L-istorja ta’ Joe – Ir-rieda u d-determinazzjoni jgħinuh jonqos 50kilo

Mhux faċli biex wieħed ibiddel l-istil tal-ħajja tiegħu, speċjalment meta tkun ilek għomrok u żmienek tgħix hekk.
Ngħidu aħna jekk imdorri wara l-ikel tieħu biċċa ħobż, jew xi biċċa ġobon jispiċċa biex isir ritwal li jsir diffiċli taqtgħu.
Iżda r-rieda, id-determinazzjoni u s-sapport minn ta’ madwarek jistgħu jegħlbu kollox.
Joe, furnar minn Ħal Qormi, fi 8 ġimgħat irnexxielu jonqos 49 kilo.
Ngħiduha kif inhi, mhux faċli tkun taħdem ġo forn u ma taqax bir-riħa taqsam tal-ħobż Malti.
Joe jirrakontra li kien jiekol ħobża waħdu kuljum, xi platt għaġin tliet darbiet fil-ġimgħa u tpoġġilux fuq il-mejda xi biċċa ħuta.
“X’ma kontx niekol? Kull ikel li kien jeżisti kont nitfa’ ġewwa,” jgħid Joe.
Darba minnhom mar quddiem professur u qallu: “qabel tonqosli tiġix 'l hawn.”
“Dak il-ħin qisu kisirni,” qal Joe. “Kellu bżonn jikser lil kulħadd.”
Min dakinhar biddel ħajtu. Jiftakar li meta beda d-dieta kien għeluq snin ibnu u minkejja l-cake żamm sod u ma ħax.
“Illum il-ġurnata jaqbadni l-ġuħ nieħu tazza ilma,” qal Joe u l-mixi sar ir-ritwal flok il-ħobża ta’ kuljum.
Joe qal li trid tagħmel kuraġġ, temmen fik innifsek u tasal. Il-kuraġġ li sab min ta’ madwaru kien kbir. Illum bis-saħħa tiegħu, il-familja kollha tiekol ikel tajjeb għas-saħħa.
Fl-aħħar nett jitkellem dwar kemm hi kerha l-kelma “tobby.” Jgħid li meta xi ħadd jgħidilu jħoss għafsa f’qalbu. Mhux faċli biex tagħmel id-dieta temm jgħid Joe imma bid-determinazzjoni tasal u tibqa' sod.
L-intervista sħiħa ma’ Joe saret minn George Cremona u xxandret waqt il-programm T’Għomru Qasir fuq RTK.