Awdjo: L-iskejjel tal-Ingliż: Il-liġi tax-xorb ta’ 17-il sena mhux qed tħallina nżommu d-dixxiplina

Il-Federazzjoni tal-iskejjel li jgħalmu l-Ingliż, il-FELTOM, taqbel mal-proposta li saret dan l-aħħar mill-Kummissarju għat-Tfal Helen D’Amato, jiġifieri li l-età għax-xorb għandha titla’ għal 18-il sena.

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt il-Kap Eżekuttiv tal-FELTOM, Genevieve Abela argumentat li l-età għandha tiżdied għaliex filwaqt l-iskejjel tal-Ingliż jimxu mal-liġi li ta’ 18-il sena tiġi stmat ta’ adult, il-liġi li tista’ tixrob ta’ 17-il sena qed toħloq diffikultajiet mal-istudenti barranin.

Il-FELTOM trid li din il-liġi tinbidel biex issaħħaħ il-ħidma tagħha li ma jħallux studenti barranin iżgħar minn 18-il sena jixorbu l-alkoħol.

B’kollox f’Malta hawn 42 skola tal-Ingliż li 17 minnhom jagħmlu parti mill-FELTOM.  Skont il-Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni, 40% tal-istudenti kollha barranin li jiġu Malta bejn Jannar u Diċembru, huma iżgħar minn 18-il sena. Saħqet li huwa għalhekk li l-problema ta’ xorb mhix fis-sajf biss.

Biex tnaqqas il-konsum tal-alkoħol fost l-istudenti barranin li jiġu Malta għall-Ingliż, ta’ kull ġimgħa l-FELTOM torganizza attivitajiet u festini ‘l barra minn San Ġiljan li fihom la jitqassam u lanqas jinbiegħ xorb alkoħoliku.

Ħafna mill-ħin tal-ġurnata l-istudenti jkollhom superviżjoni kontinwa.  Madanakollu, Genevieve Abela qalet li l-problema qiegħda meta l-istudenti joħorġu għal rashom. Dan għaliex minkejja l-liġi, li ma tistax tbiegħ alkoħol lil minuri, hemm stabilimenti li jbiegħu xorta.

Kull sena, l-industrija tat-tagħlim tal-Ingliż tikkontribwixxi fl-ekonomija Maltija madwar €135 miljun. 

Is-sena li għaddiet aktar minn 82,000 student barrani ġie Malta għall-Ingliż u kull student qatta’ mejda ta’ 19-il jum.