Awdjo: L-irmied tal-Etna mhux se jżommok id-dar

Il-Professur Stephen Montefort qal li m’hemmx bżonn paniku dwar l-irmied tal-Etna minħabba li għadu mhux ċert kemm il-Maltin se jkunu esposti għalih. Żied jgħid li mhux każ fejn in-nies għandhom jibqgħu ġewwa u ma joħorġux iżda jibqa’ aġġornat b’dak li jkun qiegħed jiġri f’każ li aktar irmied joqrob lejn Malta.

L-Awtoritajiet tas-Saħħa lbieraħ ħarġu twissija dwar il-perikli li jġib miegħu l-irmied fl-arja iżda qalu li dan dejjem skont għal kemm minn dan l-irmied wieħed ikun espost.

Ma’ Newsbook.com.mt, il-Professur Montefort qal li l-qawwa tal-effett tittaffa minħabba d-distanza u r-riħ. Il-Professur Montefort qal li s-Sulphur Dioxide jista’ jaffettwa ħażin nies li jbatu b’mard respiratorju bħal ażma. Semma’ l-każ tal-Hawaii fejn qal li meta żbroffa l-vulkan kien affettwa ħafna nies.

Saħaq li wieħed għadu jrid jara u jistenna’ dwar kemm se jkunu esposti l-Maltin. Dan filwaqt li spjega li kawża tal-irmied fl-arja kwalunkwe persuna tista’ ssofri xi mard iżda l-aktar li jaħkem  hu fuq persuni li diġà għandhom problemi respiratorji. Il-Professur Montefort avża biex dawk il-persuni b’dan il-mard għandhom joqogħdu aktar attenti għas-sintomi.

Il-vulkan Etna żbroffa nhar Lejlet il-Milied.