Awdjo: ​“L-investiment fil-Bank Ażjatiku se jgħolli l-profil ekonomiku ta’ Malta”

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna jinsab iċ-Ċina għall-ftuħ uffiċjali tal-Bank Ażjatiku tal-Investiment fl-Infrastruttura.
F’kummenti ma’ Newsbook.com.mt, il-Ministru Scicluna iddeskriva bħala kisba kbira għaċ-Ċina li f’sena u nofs irnexxielha tikkonvinċi 57 pajjiż biex jinvestu f’dan il-bank. Fakkar kif Malta kienet waħda mill-ewwel pajjiżi Ewropej flimkien mal-Ingilterra u l-Lussemburgu li urew interess f’dan l-investiment.
Meta mistoqsi dwar ir-rilevanza ta’ dan il-bank għal Malta, il-Ministru Scicluna qal li dan se jkompli jgħolli l-profil ta’ Malta fuq livell internazzjonali.
Spjega wkoll li filwaqt li l-investimenti ewlenin ta’ dan il-Bank se jkunu fl-Ażja, se jkunu qed isiru wkoll investimenti f’pajjiżi barra minn dan il-kontinent.
Qal li l-investiment ta’ Malta f’dan il-Bank ma jistax jitqabbel ma’ dak ta’ pajjiżi ikbar u li dan se jkun mifrux fuq medda ta’ 3 snin.
Temm jgħid li minkejja dan, xorta waħda Malta se jkollha rikonoxximent permezz ta’ pożizzjonijiet importanti fit-tmexxija tal-Bank Ażjatiku tal-Investiment fl-Infrastruttura.