Awdjo: L-Imam jgħid li dak li qed jiġri fl-Iraq mhux frott l-Iżlam

L-Imam Mohammed El Sadi insista li dak li qed jiġri fit-tramuntana tal-Iraq mhuwiex frott ir-reliġjon Iżlamika.
F’kummenti lil Newsbook.com.mt, El Sadi saħaq li “il-Koran jgħallem tolleranza u rispett lejn reliġjonijiet oħrajn.”
Spjega li l-moħħ wara l-attakki fuq l-Insara fl-Iraq huma terroristi li jużaw l-Iżlam biex jagħmlu l-ħsara, jisirqu u jiksbu il-poter.
Tenna li min jagħmel dawn l-atti qed imorru kontra l-Iżlam.
El Sadi għamel referenza ukoll għal każijiet ta’ Insara li spiċċaw inqatlu jew ttorturati biex jeqilbu għall-Iżlam.
L-Imam saħaq li parti minn dak kollu li qed iseħħ fl-Iraq huwa tort tal-Amerikani. Tenna kif it-truppi tal-Istati Uniti daħlu f’pajjiż ħaddieħor u ħallew il-poplu waħdu fil-ġlied ta’ bejn gruppi militanti fl-Iraq.
Il-bliet fit-tramuntana tal-Iraq bħalissa jinsabu fil-mira ta' grupp terroristiku magħruf aktar bħala IS (Islamic State). B'kawża tas-sitwazzjoni fl-Iraq, eluf ta' familji Insara kellhom jaħarbu minn djarhom.
Skont in-Nazzjonjiet Maqgħuda, mal-1.2 miljun persuna kellha titlaq mill-belt fejn tgħix biex issib ażil f'postijiet oħra.