Awdjo: L-għeluq tal-iskejjel għandu jkun l-aħħar pass – esperta

Pupils sit in desks with yellow dividers at Dajia Elementary school in Taipei
Pupils sit in desks with yellow dividers, set up as a measure against the coronavirus disease (COVID-19), at Dajia Elementary school in Taipei, Taiwan March 13, 2020. REUTERS/Ann Wang

Read in English.

L-iskejjel m’għandhomx jerġgħu jingħalqu jekk mhux bħala l-aħħar pass biex tikkontrolla l-imxija tal-Covid-19, l-esperta fis-saħħa pubblika Natasha Azzopardi-Muscat qalet f’intervista fuq il-programm 103 Morning li xxandret fuq 103 Malta’s Heart.

Dr Azzopardi-Muscat, direttur tad-Division of Country Health Policies and Systems fl-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, tkellmet fuq il-prinċipji li jiggwidaw il-ftuħ tal-iskeejjel.

Hi emfasizzat li l-prijorità għandha tkun is-saħħa tat-tfal u tal-edukaturi, u fakkret li ħafna tfal batew meta l-iskejjel sfaw magħluqa f’Marzu li għadda ħabta u sabta.

Waqt li l-iskejjel sfaw magħluqa aktar kmieni din is-sena, din id-darba l-pjan hu li jibqgħu miftuħa kemm hu possibli. Però jekk ikun hemm rata ta’ trażmissjoni qawwija tal-Covid-19, jaf ikun hemm bżonn li skola tingħalaq għal ammont ta’ żmien. Però skejjel f’żona partikolari għandhom jiġu magħluqa biex tikkontrolla l-pandemija, mhux l-iskejjel kollha f’daqqa.

Azzopardi-Muscat fakkret li hemm miżuri varji li jistgħu jittieħdu biex tikkontrolla l-imxija talCovid-19, u li hemm linji gwida fuq kif it-tfal għandhom jilbsu l-maskri fl-iskola. Semmiet ukoll l-importanza tas-social distancing.

L-iskejjel għandhom jiftħu lejn l-aħħar ta’ dan ix-xahar, però s’issa n-numru ta’ każijiet ta’ Covid-19 ma jidhirx li qed jinżamm taħt kontroll. Filfatt, 78-il każ ġdid ġie rrapurtat il-Ħadd, l-ogħla numru ta’ każijiet fil-kommunità rrapurtat f’jum wieħed.

Azzopardi-Muscat tkellmet fuq l-użu tal-bubbles, fejn studenti jitpoġġew fi gruppi żgħar biex tiġi kkontrollata l-imxija tal-Covid-19. F’każ li xi ħadd jirriżulta pożittiv, il-bubbles jagħmluha possibli li tpoġġi parti mill-iskola taħt kwarantina minflok tagħlaq l-iskola sħiħa.

Il-miżuri ta’ privenzjoni m’għandhomx japplikaw biss fl-iskejjel, imma anke barra. It-tabiba emfasizzat il-bżonn li jkun hemm pjan dettaljat qabel jerġgħu jiftħu l-iskejjel, peress li kull indikazzjoni turi li s-sitt xhur li ġejjin se jkunu ‘aktar diffiċli u krudili’ mir-Rebbiegħa li għaddiet.

M’hemm l-ebda dubju li każijiet ġodda ta’ coronavirus se jibqgħu jiġu rrapurtati fix-xhur li ġejjin. B’hekk hu importanti li dawn il-każijiet jiġu misjuba mill-aktar fis u li jiġu ttrattatti b’mod effettiv, qalet Azzopardi-Muscat.

Żiedet li l-miżuri li japplikaw għal nies meqjusa vulnerabbli għandhom jibqgħu fis-seħħ, u b’hekk hemm bżonn miżuri speċifiċi għal studenti u għalliema vulnerabbli.

Nhar is-Sibt, il-Union tal-Edukaturi Professjonisti (UPE) qalet li edukaturi vulnerabbli m’għandhomx imorru l-iskola; minflok, għandhom jibqgħu id-dar u jaħdmu online. Ħarġet din id-direttiva wara li reġa tela’ n-numru ta’ każijiet ta’Covid-19.

Il-linji gwida nħarġu b’kollaborazzjoni mal-UNICEF u l-UNESCO, u Azzopardi-Muscat osservat li la l-pandemija taffettwa kull aspett tal-ħajja, kien hemm bżonn li tiġi ndirizzata b’mod ħolistiku.

Tkellmet ukoll fuq il-bżonn li studenti jipparteċipaw fit-tteħid ta’ deċiżjonijiet: b’hekk iħossuhom parti mir-realtà l-ġdida u tgħin biex il-linji gwida jiġu mplimentati b’suċċess.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn.