Awdjo: L-Għanja tal-Poplu 2019 – Ruth Portelli

Ritratt: Joseph Agius Attard

Fil-Ħoġor tat-Tieqa hija l-għaxar kanzunetta fit-43 edizzjoni ta’ L-G]anja talPoplu li se jsir fi Pjazza Teatru Rjal nhar il-31 ta’ Awwissu. Is-serata se titmexxa minn Corazòn Mizzi.

Din il-kanzunetta għandha lirika ta’ Ruth Portelli stess, filwaqt li l-kompożitur huwa Mark Spiteri Lucas.

Il-kanzunetta

Kanzunetta li nkitbet fuq episodji personali li ħafna u ħafna nies, speċjalment ommijiet jistgħu jirrilataw magħhom. Il-ħoġor tat-tieqa għal Ruth hu l-post fejn flgħaxija, għal ftit ħin biss qabel torqod, tieqaf u tirrilassa – dak hu l-ħin tagħha. Mhux l-ewwel darba li jintemm ħesrem hekk kif it-tifla tagħha tistenbaħ imma ma jiddispjaċiha xejn għax illum il-ġurnata għarfet li m’hawn xejn isbaħ milli tgħaddi ħin mal-familja.  Kemm jekk bnazzi u anke jekk maltemp, flimkien nistgħu noħolqu memorji dejjiema u importanti nifhmu li kull ġurnata rigal.

Ruth Portelli

Ritratt: Joseph Agius Attard

Ruth Portelli twieldet fl-1989, u trabbiet l-Qala, Għawdex. Fl-età tenera ta’ 11-il sena, hija bdiet tieħu sehem fl-opri mtella’ fit-teatru Aurora. Kellha diversi opportunitajiet oħra fejn kantat ukoll barra minn xtutna f’kunċerti mtellgħin fis-Slovenja, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja u l-Italja.

Ruth kkompetiet f’diversi festivals madwar Għawdex, fejn spiċċat rebbieħa f’diversi okkazzjonijiet. Hija pparteċipat ukoll f’għadd kbir ta’ kunċerti f’Għawdex u hija solista soprano fil-Kor Għawdxi li jġib l-isem Chorus Urbanus.

Fl-2016 ħadet sehem fl-ispettaklu Rockestra, wara brejk qasir sabiex tiddedika ftit ħin għall-familja.

Matul is-sajf tal-2018, hija waslet sal-finali tal-Għanja tal-Poplu bil-kanzunetta Għaliex Tlaqt? fuq kliem ta’ Ryan Caruana u mużika ta’ Mark Scicluna kif ukoll sal-finali tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza bil-kanzunetta Determinata fuq kliem ta’ Emil Calleja Bayliss u mużika ta’ Mark Scicluna.

Fl-2019, Ruth rrapreżentat ‘l Malta fid-Discovery Festival Otkritie fil-Bulgarija, fejn rebħet il-premju tal-Aħjar Kantanta, wara interpretazzjoni eċċellenti ta’ Think of Me.

Ruth għandha Baċċellerat fil-Malti u l-Ispanjol fl-Università ta’ Malta.