Awdjo: L-Għanja tal-Poplu 2019 – Rachel Lowell

Ritratt: Joseph Agius Attard

L-14-il kanzunetta fit-43 edizzjoni ta’ L-Għanja tal-Poplu – Festival tal-Kanzunetta Maltija se tittella’ fil-31 ta’ Awwissu fi Pjazza Teatru Rjal, u se jkollha preżentazzjoni ta’ Corazòn Mizzi.

L-14-il kanzunetta fl-ordni kif se jkunu interpretati iġġib l-isem ta’ Minn Kajfas Għal Għand Pilatu, bi kliem u mużika ta’ Rachel Lowell, li tinterpreta wkoll din is-silta.

Il-Kanzunetta 

Kemm-il darba spiċċajt iddur minn post għall-ieħor biex tinqeda? Jew minn dipartiment għall-ieħor jew persuna għall-oħra! Tibda taħseb li qed jitmejlu bik u jgħadduk biż-żmien, imma ara jekk ikollok xi qaddis jaqilgħek malajr tinqeda bla problemi ta’ xejn. Jekk mhux hekk, irrid ikollok troxx il-flus, għax bil-flus tagħmel triq fil-baħar. Il-kanzunetta titkellem kif kultant f’dal-pajjiż tispiċċa ddur minn Kajfas għal għand Pilatu trid u ma tridx, filwaqt li dawk li għandhom il-poter jevitaw li jerfgħu r-responsabilità.

Rachel Lowell

Ritratt: Joseph Agius Attard

Imwielda fl-2002, Rachelm fl-eta tenera t’erba’ snin, bdiet tattendi skola tat-tagħlim mużikali, speċjalizzata fit-Teatru Mużikali u matul il-ħames snin tagħha f’din l-iskola, hija pparteċipat f’diversi spettakli.

Apparti l-parteċipazzjoni ta’ Rachel f’diversi kompetizzjonijiet lokali, hija kellha l-opportunita li tieħu sehem f’diversi kompetizzjonijiet internazzjonali fosthom; il-Festival Lake Pears fil-Maċedonja ta’ Fuq fejn klassifikat fit-tieni post; Una Stella Sta Nascendo fejn klassifikat fl-ewwel post kif ukoll il-Baltic Voice fil-Litwanja fejn ġiet fl-ewwel post minn fost 103 konstestant minn 13-il pajjiż differenti.

Fl-2016, Rachel kienet waħda mill-finalisti waqt il-Malta Junior Eurovision Song Contest bil-kanzunetta I Surrender u fl-2018 waslet sal-finali tal-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ bil-kanzunetta Li Tiżra Taħsad fuq lirika ta’ Emil Calleja Bayliss u mużika ta’ Philip Vella.

Bejn l-2015 u 2017, Rachel ħadet sehem f’The Entertainers Singing Challenge filwaqt li fl-2018 u 2019, kienet ukoll parti mill-ispettaklu annwali ta’ Spiteri Lucas Entertainment bħala parti mill-Kor. Fl-2019, Rachel ġiet magħżula biex tirrapreżenta ‘l Malta fl-OGAE Fan Vision Song Contest bil-kanzunetta A Million Voices.