Awdjo: L-Għanja tal-Poplu 2019 – Mark Cachia

Ritratt: Joseph Agius Attard

Pjazza Ġdida hija t-tmien kanzunetta li se tkun qed tipparteċipa f’L-Għanja tal-Poplu – Festival tal-Kanzunetta Maltija li se jittella’ nhar il-31 ta’ Awwissu ġewwa Pjazza Teatru Rjal. Permezz ta’ http://newsbook.com.mt qed inwasslulkom tagħrif kuljum dwar kull kanzunetta u artist li qed jipparteċipa f’din l-edizzjoni.

Pjazza Ġdida hija kitba u kompożizzjoni ta’ Mark Cachia, li qed jinterpreta wkoll din is-silta.

Il-kanzunetta

Tafu fejnha l-Pjazza l-ġdida? Mhux ħa ssibha fuq l-ebda mappa iżda ċert li kulħadd jidħol iżurha f’xi ħin. Il-Pjazza l-ġdida hi pjazza virtwali li aħna nafuha bħala ‘Facebook’ fejn hemm issib nies jitkellmu ma’ xulxin, jgħidu fuq xulxin, min jissendika, min jgħid xi ċajta … insomma dak kollu li kont issib fil-pjazza tar-raħal iżda bil-kumdità li tista’ tittawwal fiha minn kullimkien, tkun fejn tkun. Jien dieħel sal-Pjazza l-Ġdida… Intom ġejjin??

Mark Cachia

Ritratt: Joseph Agius Attard

Mark Cachia twieled fl-1982 beda jistudja l-mużika fl-età ta’ 6 snin fejn speċjalizza fil-pjanu. Hu kompla l-istudji tiegħu fl-Università ta’ Malta fejn gradwa fil-B.A. (Hons.) fil-Mużika, P.G.C.E. Kiseb ukoll Masters fil-Mużika (M.Mus.) fejn speċjalizza fil-kompożizzjoni. Hu jaħdem ħafna fil-qasam tal-volontarjat kemm f’għaqdiet mużikali f’raħal twelidu, il-Mellieħa, kif ukoll maż-żgħażagħ Melleħin (Mellieħa Youth).

Mark jaħdem bħala għalliem tal-mużika. Fil-konkors L-Għanja tal-Poplu, Mark ipparteċipa fid-39 edizzjoni fejn kien rebaħ l-aħjar kantawtur bil-kanzunetta Waqt li qed Nitfi d-Dawl, fil-41 edizzjoni bil-kanzunetta Kliem ix-Xiħ, kif ukoll fit-42 edizzjoni bil-kanzunetti L-Aħħar Żifna u Ħadd ma jaf xi jrid mal-band tiegħu JAMM fejn rebħu l-premju għall-aħjar kantawtur.