Awdjo: L-Għanja tal-Poplu 2019 – Maria Spiteri

Ritratt: Joseph Agius Attard

16-il kanzunetta se jkunu qed jipparteċipaw waqt it-43 edizzjoni ta’ L-Għanja tal-Poplu – Festival tal-Kanzunetta Maltija li se jittella’ fi Pjazza Teatru Rjal nhar il-31 ta’ Awwissu bi preżentazzjoni ta’ Corazòn Mizzi.

Illum inwasslulkom tagħrif dwar il-kanzunetta li se tkun qed tipparteċipa fil-15-il pożizzjoni. Din hija Vuċijiet bi kliem u mużika ta’ Maria Spiteri, u nterpretata minn Maria Spiteri stess.

Il-kanzunetta 

Kanzunetta li nkitbet minn Maria għaz-zijiet tagħha stess – iz-ziju Renato, iz-zija Helen u z-zija Marbeck!

Minn meta kienet żgħira, Maria dejjem kienet tiġri mal-familjari biex tara liz-zijiet fuq il-palk, ikantaw u jirreċtaw. Minn hemm nibtet l-imħabba għal din id-dinja u ħasbet li jkun xieraq tagħmel kanzunetta fejn turihom ħajr.

Kienu grazzi għalihom li nġibdet lejn din ix-xena, u fl-aħħar għamlet il-kuraġġ sabiex tibda titħarreġ fil-vuċi. Dejjem sabet appoġġ mingħandhom u pariri siewja. Vuċijiet hi dedikazzjoni għalihom bħala turija ta’ ringrazzjament.

Maria Spiteri

Ritratt: Joseph Agius Attard

Imwielda fl-1994, Maria Spiteri hija dedikata ħafna fil-linja professjonali tagħha, kemm bħala infermiera kif ukoll bħala kantanta. Tant hu hekk li l-imħabba tagħha lejn il-kant ġejja minn diversi elementi familjari, filfatt iz-zijiet tagħha huma Renato u Helen Micallef.

Maria tistudja l-vuċi u t-teknika għand Julie Pomorski, bħala parti minn VocalBooth Studios. Bejn l-2017 u l-2018, Maria ħadet sehem fil-programm televiziv Don’t Stop Me Now u kklassifikat fir-raba’ post fil-kategorija tagħha.

Fl-2018, Maria ħadet sehem fil-kategorija talent ġdid tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza bil-kanzunetta Manann, fejn rebħet l-istess kategorija.

Lanqas ġimagħatejn wara, Maria kienet lura fl-istudjow flimkien ma’ Toby Farrugia, produttur rinomat fix-xena tal-mużika lokali u internazzjonali. Hemmhekk ġiet maħduma l-kanzunetta Here I Stand li telgħet fl-aqwa 10 f’żewġ klassifiċi Maltin.