Awdjo: L-Għanja tal-Poplu 2019 – Kayley Cuschieri

Ritratt: Joseph Agius Attard

Fil-31 ta’ Awwissu fi Pjazza Teatru Rjal se tittella’ l-43 edizzjoni ta’ L-Għanja tal-Poplu  – Festival tal-Kanzunetta Maltija.

Permezz ta’ newsbook.com.mt se jkollkom iċ-ċans tisimgħu l-kanzunetti, kif ukoll  issiru taf mill-qrib il-kantanti u tifhmu aħjar fuq xix  titratta kull kanzunetta parteċipanta f’din l-edizzjoni.

Illum se nitrattaw it-tielet parteċipanta: Kayley Cuschieri, li se tkun qed tinterpreta s-silta Bejn L-Erba’ Ħitan, b’lirika ta’ Alexander Ellul u kompożizzjoni ta’ Mark Spiteri Lucas.

Il-kanzunetta titratta dwar il-ħajja ta’ żagħżugħa f’kunvent tal-klawsura u kif din il-persuna għarfet id-differenza bejn il-ħajja materjali li ma twasslek imkien u l-ħajja spiritwali li fl-aħħar mill-aħħar hi l-qofol ta’ kollox. Hi titlob ħafna għall-bnedmin meta tarahom marbutin wisq ma’ dak kollu li jagħtihom pjaċir u ma jieqfu qatt jaħsbu dwar il-vera sens tal-ħajja.

Kayley Cuschieri

Ritratt: Joseph Agius Attard

Kayley Cuschieri hija tfajla ta’ 16-il sena u hija l-iżgħar kontestanta din is-sena. Ilha tkanta mill-età ta’ ħames snin u l-Għanja tal-Poplu mhuwiex ġdid għaliha. Ħadet sehem fil-kor tal-festival fl-2014 u erba’ snin wara, ippreżentat l-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ.

Fl-2019 stess, kienet finalista b’żewġ kanzunetti fl-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ.

Ħadet sehem ukoll fl-ewwel staġun tal-X Factor Malta u kienet ir-rebbieħa tal-ewwel edizzjoni tal-KKI Junior lura fl-2014. Hija ddoqq il-pjanu, kif ukoll ħadet sehem f’diversi kompetizzjonijiet barra minn Malta. Kayley taspira li ‘l quddiem tikteb il-kanzunetti tagħha stess u li tikber fil-karriera tal-kant.

AQRA: Awdjo: L-Għanja tal-Poplu 2019; Nedved Galea

AQRA: Awdjo: L-Għanja tal-Poplu 2019: Ishmael Grech

AQRA: Filmat: Ikomplu t-tħejjijiet għall-Għanja tal-Poplu 2019