Awdjo: L-Għanja tal-Poplu 2019 – Justine Bezzina

Ritratt: Joseph Agius Attard

Waqt li jkomplu t-tħejjijiet għall-43 edizzjoni ta’ L-Għanja tal-Poplu – Festival tal-Kanzunetta Maltija, kuljum fuq dan is-sit newsbook.com.mt kuljum qed ilaqqgħakom mal-parteċipanti u nwasslulkom xi ftit ħjiel fuq xix titratta l-kanzunetta li qed jinterpretaw.

Il-festival se jittella’ ġewwa Pjazza Teatru Rjal fil-31 ta’ Awwissu u se jkun preżentat minn Corazòn Mizzi.

Il-11-il kanzunetta hija Mhux Li Kien, b’lirika ta’ Joe Julian Farrugia u kompożizzjoni ta’ Glen Vella. Il-kanzunetta se tkun interpretata minn Justine Bezzina.

Il-kanzunetta

Il-ġmiel u s-sliem tan-natura jfakkruna kif suppost ngħixu ħajjitna.  Kieku l-bniedem jinnota kemm hi sabiħa n-natura u kemm taf toħloq armonija fid-dinja u jieħu l-eżempju tagħha, kieku ma jkunx hawn inġustizzji bejn sinjur u fqir, bejn reliġjonijiet u razez… ma jkunx hemm għalfejn refuġjati jfittxu pajjiż aħjar fejn jgħixu.

Kieku jsir hekk, ma jkunx hemm għalfejn tintalab karità, ma jkollniex x’nambuhom il-qrati u l-ħabsijiet. Kieku l-bniedem anki man-natura stess jibda jkun ħanin.  Mhux li kien il-bniedem jgħix, bħan-natura, fl-imħabba u l-ġustizzja.

Justine Bezzina 

Ritratt: Joseph Agius Attard

Justine Bezzina hija kantanta mill-Belt Valletta.  Ilha tkanta mindu kellha seba’ snin.  Justine hija kantanta versatili u tkanta fit-tieġijiet u f’diversi festi. Justine rebħet diversi festivals lokali u ħadet sehem darbtejn fil-Malta Song for Europe.

Kienet ukoll magħżula bħala waħda mill-backing vocalists għall-Eurovision fis-sena 2003 fejn kienet esperjenza indimentikabbli.  Justine kienet tkanta wkoll f’lukandi lokali.