Awdjo: L-Għanja tal-Poplu 2019 – Janice Mangion

Ritratt: Joseph Agius Attard

Waqt li għaddejjin il-preparamenti għall-43 edizzjoni ta’ L-Għanja tal-Poplu – Festival tal-kanzunetta Maltija li se jittella’ ġewwa Pjazza Teatru Rjal bi preżentazzjoni ta’ Corazòn Mizzi.

newsbook.com.mt kuljum qed iwasslilkom informazzjoni fuq kull kanzunetta u artist li qed jipparteċipa f’din l-edizzjoni.

Is-sitt parteċipanta f’din l-edizzjoni hija Janice Mangion li se tkun qed tinterpreta s-silta Għadu Mhux il-Waqt, fuq kliem ta’ Emil Calleja Bayliss u mużika ta’ Mark Scicluna.

Is-suġġett tal-kanzunetta hu wieħed li ħafna jistgħu jirrilataw miegħu, kulħadd għandu lil xi ħadd qrib tiegħu u sfortunatament f’dil-ħajja mislufin, m’aħniex hawn għall-eternità. Il-kanzunetta titkellem dwar dak il-mument, li wieħed ikun wasal biex iħalli din id-dinja, iżda dawk ta’ madwaru jkunu jridu jgawdu ftit ħin aktar magħhom. Ftit ħin prezzjuż, b’hekk fil-kanzunetta inlissen kemm-il darba… għadu mhux il-waqt.

Janice Mangion

Ritratt: Joseph Agius Attard

Janice Mangion bdiet tieħu l-lezzjonijiet tal-kant fl-età ta’ 12-il sena u ftit iktar tard il-pjanu. Fl-2007 ħadet sehem fil-kompetizzjoni televiżiva L-Isfida fejn l-għan kien li jinstab talent ġdid.

Fi snin riċenti, Janice ħadet sehem fil-finali ta’ L-Għanja tal-Poplu fl-2011; il-finali tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza għal darba, darbtejn; il-finali tas-Summer Hit Song Contest u anke l-finali tal-Malta Eurovision Song Contest. Apparti minn hekk, kienet ukoll membru tal-Animae Gospel Choir.

Janice ħadet sehem fil-Malta Eurovision Song Contest fl-2017 bil-kanzunetta Kewkba fuq kliem ta’ Emil Calleja Bayliss u mużika ta’ Mark Scicluna. Din il-kanzunetta, li kienet l-ewwel waħda bil-Malti sa’ mis-snin disgħin, spiċċat fit-tieni post.

Wara s-suċċess lokali tagħha, Janice kellha l-opportunità li tirrappreżenta ‘l Malta fl-akbar festival tal-Lvant, Slaviansky Bazaar fil-Belarussja kif ukoll id-Discovery International Pop Music Festival fil-Bulgarija b’riżultati pożittivi.

Fl-2018, Janice nediet Warda, kanzunetta mil-pinna ta’ Emil Calleja Bayliss, fuq mużika ta’ Cyprian Cassar u Mark Scicluna. Ir-rispons tan-nies kien wieħed tajjeb ħafna, tant hu hekk li l-kanzunetta laħqet il-quċċata tal-klassifika iTunes f’Malta.

AQRA: Awdjo: L-Għanja tal-Poplu 2019: Ishmael Grech

AQRA: Awdjo: L-Għanja tal-Poplu 2019: Nedved Galea

AQRA: Awdjo: L-Għanja tal-Poplu 2019: Kayley Cuschieri

AQRA: Awdjo: L-Għanja tal-Poplu 2019: Joseph Refalo

AQRA: Awdjo: L-Għanja tal-Poplu 2019: Jade Vella