Awdjo: L-Għanja tal-Poplu 2019: Ishmael Grech

Ritratt: Joseph Agius Attard

Fil-31 ta’ Awwissu fi Pjazza Teatru Rjal se tittella’ l-43 edizzjoni ta’ L-Għanja tal-Poplu  – Festival tal-Kanzunetta Maltija.

Permezz ta’ newsbook.com.mt se jkollkom iċ-ċans tisimgħu l-kanzunetti, kif ukoll  issiru taf mill-qrib il-kantanti u tifhmu aħjar fuq xix  titratta kull kanzunetta parteċipanta f’din l-edizzjoni.

AQRA: Filmat: Ikomplu t-tħejjijiet għall-Għanja tal-Poplu 2019

Il-kanzunetta li se tiftaħ il-festival bil-kanzunetta Fil-Klassi, interpretata minn Ishmael Grech. Il-kanzunetta għandha kliem u mużika ta’ Mark Cachia.

Il-kanzunetti “Fil-Klassi” tlaqqagħna m’għalliem li qiegħed jirrakonta minn xiex jgħaddi waqt li jkun qiegħed fuq xogħlu, fil-klassi flimkien mat-tfal. Hawn toħroġ id-dedikazzjoni li għandu għal xogħlu fejn isemmi għadd t’affarijiet differenti li hu għamel u li żgur qatt ma basar li kellu jagħmilhom bħala għalliem għaliex mhux parti mix-xogħol regolari li jagħmel edukatur.

Ishmael Grech

Ritratt: Joseph Agius Attard

Imwieled fl-1993, Ishmael Grech minn dejjem kellu mħabba kbira lejn l-arti, u beda jkanta u jirreċta ta’ età tenera ħafna. Fis-snin 2006, u 2007, Ishmael wasal sal-aħħar fażi tal-Malta Junior Eurovision Song Contest.

Tliet snin wara, bħala żagħżugħ, wasal sal-finali tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza għall-ewwel darba, bil-kanzunetta “Abjad u Iswed”, u reġa’ għamilha darb’oħra fl-2012 bil-kanzunetta “Missjoni Impossibli”.

Wara nuqqas ta’ xi ftit fix-xena tal-mużika lokali, Ishmael beda’ jaħdem ma’ Glen Vella minn VocalBooth Studios fuq il-vuċi tiegħu, u minn hemmhekk qatt ma reġa ħares lura, għaliex għal darb’oħra, fl-2017 wasal sal-finali tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza bil-kanzunetta “Polz Iħabbat”.

Fl-2018, Ishmael ġie magħżul biex ikun protagonist fil-musical oriġinali, il-Ħanina Maddelena fejn kellu jgħaqqad flimkien l-arti tal-kant u tar-reċtar. Sena wara, fis-sajf tal-2019, Ishmael sar jaf li għadda għal finali tal-Għanja tal-Poplu bil-kanzunetta “Fil-Klassi” fuq kliem u mużika ta’ Mark Cachia.