Awdjo: L-Għanja tal-Poplu 2019 – Francesca Zammit

Ritratt: Joseph Agius Attard

Aktar parteċipanti fit-43 edizzjoni ta’ L-Għanja tal-Poplu – Festival tal-Kanzunetta Maltija, li se jsir nhar il-31 ta’ Awwissu ġewwa Pjazza Teatru Rjal.

Kuljum fuq dan is-sit, qed nitrattaw kanzunetta skont l-ordni tal-parteċipazzjoni u llum imiss li niltaqgħu mas-seba’ waħda, Francesca Zammit, li se tinterpreta l-kanzunetta Din Għalik,fuq kitba tagħha stess ma’ Julie Pomoski. Zammit hija wkoll il-kompożitriċi.

Il-kanzunetta Din Għalik hija miktuba b’dedikazzjoni lill-kuġin ta’ Francesca stess li ħalliena ftit tax-xhur ilu. Permezz tal-kanzunetta, il-kantanta tħoss li tista’ tikkomunika miegħu u tistaqsih fejn qiegħed u jekk għadux l-istess bħal ma kien meta kien għadu fid-dinja. Francesca temmen li kulħadd jista’ jirrelata ma’ din il-kanzunetta għax kulħadd xi darba jew oħra tilef lil xi ħadd għażiż għalih.

Francesca Zammit

Ritratt: Joseph Agius Attard

Francesca Zammit għandha 19-il sena. Bħalissa qiegħda tistudja biex aktar ‘il quddiem issir għalliema tal-Malti.

Apparti l-imħabba tagħha għal-lingwa Maltija, il-mużika hija parti kbira minn ħajjitha wkoll.

Iddoqq il-pjanu u ilha titgħallmu għal dawn l-aħħar ħdax-il sena, filwaqt li bdiet tkanta tliet snin ilu.

Tħobb tgawdi l-ħajja u ma taqtax qalbha malajr, anzi tħobb tistinka għal dak li tixtieq.