Awdjo: L-Għanja tal-Poplu 2019 – Cherylis

Ritratt: Joseph Agius Attard

It-43 edizzjoni ta’ L-Għanja tal-Poplu – Festival tal-Kanzunetta Maltija se jittella’ ġewwa Pjazza Teatru Rjal nhar is-Sibt 31 ta’ Awwissu, bi preżentazzjoni ta’ Corazòn Mizzi.

Fuq dan is-sit kuljum issibu tagħrif dwar il-k=parteċipanti u l-kanzunetti kollha f’din l-edizzjoni.

It-13-il kanzunetta iġġib l-isem ta’ Tfewwaħ bi kliem u mużika ta’ Cherylis Camilleri, u nterpretata minn Cherylis stess.

Il-kanzunetta

Għanja miktuba mill-qalb, għanja poetika għall-aħħar li tesplora l-ġmiel tal-ambjent ta’ madwarna. Il-gżira tagħna għandha ħafna u ħafna x’toffri, nemmen li ngħixu f’art maġika iżda għalkemm hi tixtieq tkompli tfewwaħ u ssebbaħ, qed tiġi mhedda mill-iżvilupp. S’issa għadha tfewwaħ… imma jekk ħa nibqgħu sejrin hekk il-gżira tagħna ħa tibda tnewwaħ għax qed tinbidel f’ġungla tal-konkrit u bħali ħafna, jixtiequ li jreġġgħu lura ż-żmien. Il-qerda kerha… imma din artna tibqa’ tagħmel minn kollox sabiex tiġġieled dan kollu u tfewwaħ.

Cherylis

Ritratt: Joseph Agius Attard

Cherylis, twieldet fl-1995, hija kantanta, kif ukoll attriċi, li bħalissa qed tistudja għall-baċċelerrat tal-Arti bi speċjalizzjoni fil-Malti u l-psikoloġija. Preżentament hija qedgħa tiġi mħarrġa fil-kant minn Glen Vella, ta’ Vocal Booth Studios.

Il-ħajra għal kant bdiet xi ħmistax-il sena ilu, u Cherylis bdiet tikkompetti f’diversi produzzjonijiet lokali. Il-kantanta femminili kellha diversi opportunitajiet li tirrapreżenta lil Malta lil’hinn minn xtutna fosthom f’kompetizzjonijiet li saru L-Eġittu, L-Italja, L-Estonja, u r-Rumanija. Apparti l-kant, Cherylis hija wkoll pjanista brava, ċċertifikata mil-London College of Music.

Fis-sena 2015, Cherylis kienet magħżula minn grupp ta’ scawts li jfittxu t-talent sabiex tirrapreżenta lil Malta fil-kompetizzjoni Una Stella Sta Nascendo.  Fl-aħħar fażi, hija rebħet il-kategorija tagħha wara diversi interpretazzjonijiet eċċellenti. Cherylis kkompetiet fil-finali tal-Għanja tal-Poplu 2016 bil-kanzunetta Is-Sinjur.

Fl-2018, flimkien ma’ Mikhail Attard permezz ta’ Dwett, hija waslet sal-finali tal-Konkors Kanzunetta Indipendenza bil-kanzunetta Miraġġ; sal-finali tal-Għanja tal-Poplu bil-kanzunetta Mhux Kif Ħsibt, li biha klassifikaw fit-tieni post kif ukoll sal-finali tal-Malta Eurovision Song Contest bi Breaking Point.