Awdjo: “L-għalliema ma ħassewhomx ippreparati biex jgħallmu co-ed”

Għalliema tas-sekondarja jaħsbu li l-bidla għal co-ed ġiet malajr wisq, filwaqt li għalliema li diġa’ jgħallmu kemm subien u bniet qalu li kienu favur il-bidla iżda ħassew ukoll li kienet bidla mgħaġġla.
Eric Zahra tkellem ma’ Newsbook.com.mt dwar riċerka li għamel bħala parti mill-kors fl-Universita’ ta’ Malta biex isir għalliem.
Qassam 300 kwestjonarju lill-għalliema fi skejjel differenti tal-Gvern li jgħallmu lill-bniet jew subien biss, jew fi skola privata co-ed.
Il-maġġoranza tal-għalliema qalu li ma kienux mħarrġa u ppreparati għas-sistema ġdida, u semmew ukoll li ma kienux ikkonsultati dwarha.
L-għalliema ssuġġerew li għandha ssir konsultazzjoni magħhom u jkunu jistgħu jiddiskutu x’jista’ jsir.
Kollha qalu li skejjel fejn jattendu bniet jew subien biss ikollhom iktar orientazzjoni ta’ edukazzjoni minn skejjel oħra, jiġifieri jkollhom inqas xi jtellifhom.
Għalliema li jgħallmu bniet jew subien biss spjegaw li għandhom ftit biża’, fosthom mir-relazzjonijiet ta’ bejn l-istudenti, iżda din mhux minħabba li kellhom esperjenza simili.
L-istudju sar fit-tramuntana ta’ Malta, u ffoka fuq l-attitudnijiet u ħsibijiet tal-għalliema dwar il-co-ed fl-iskejjel sekondarji tal-Gvern.  

Iktar informazzjoni tista' tinkiseb fit-teżi Teacher's beliefs, attitudes and concerns about the gender grouping of students in State Secondary schools.