Awdjo: L-FKNK ma taqbilx li d-Direttiva Ewropea tal-Għasafar għandha tinbidel

Il-Kap Eżekuttiv tal-FKNK Lino Farrugia saħaq li l-FACE, li hija l-Federazzjoni Ewropea tal-Assoċjazzjonijiet tal-Kaċċa, mhix qed taqbel mal-mission letter tal-Kummissarju Malti Karmenu Vella sabiex issir reviżjoni tad-Direttiva Ewropea tal-Għasafar. Il-FACE ma jaqblux lanqas li d-direttiva għandha tingħaqad ma’ direttivi oħra ambjentali bħalma hi l-Habitat.
F’Malta, l-FKNK qed tieħu l-istess pożizzjoni tal-FACE. 
Waqt il-programm Dinja Ewropa fuq RTK, Lino Farrugia qal li l-leġiżlatur li għaqqad id-Direttiva Ewropea tal-Għasafar kien għaqli biżżejjed biex jifhem li l-Unjoni Ewropea mhux bilfors trid tfisser uniformità.
Sostna li huwa impossibbli li l-istess liġi tkun tapplika mill-pajjiżi Skandinavi sa’ dawk fil-Mediterran.
Sostna li kien għalhekk li fid-Direttiva ġie inkluż l-Artiklu 9, li jagħti d-dritt lil kull pajjiż membru biex japplika deroga fuq l-istess direttiva.
Id-Direttiva Ewropea tal-Għasafar ilha fis-seħħ dawn l-aħħar 35 sena.
Mistoqsi dwar l-illegalitajiet, Lino Farrugia qal li kemm ilu mwaqqaf il-Wild Birds Regulation Unit sar ħafna infurzar u mistenni li jidħlu fis-seħħ miżuri ġodda.
Farrugia qal li sfortunatament għad fadal persuni li jaħsbu li jistgħu jiksru l-liġijiet jew li jistgħu jagħmlu li jridu. 
Lino Farrugia qal li fost l-irregolaritajiet jaf ikun hemm persuni li jridu jagħmlu kummerċ minn għasafar protetti speċjalment għall-ibbalzmar.
Sostna li l-ibbalzmar, li ddeskriva bħala arti, trid tiġi rregolata wkoll.
Dinja Ewropa, jittella’ bl-għajnuna tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta u jixxandar fuq RTK kull nhar ta’ Tlieta bejn is-6pm u s-7pm.