Awdjo: L-ewwel xemgħa għal Talba Talba

Waslet il-quċċija tal-paġna Talba Talba, li b’iktar minn 5,100 like, tlett ijiem oħra tagħlaq l-ewwel sena tagħha minn meta twaqqfet fuq Facebook u ftit wara fuq Twitter.
Ma’ Newsbook.com.mt, Antoine Azzopardi, wieħed mill-amministraturi tal-paġna, irrakkonta l-bidu li wassal għall-ftuħ ta’ Talba Talba.
Tenna kif hu u sħabu, kellhom ix-xewqa li jxerrdu ideat spirtwali b’mod virtwali. Bdew billi, ta’ kuljum itellgħu ħsibijiet ta’ bixra spirtwali fuq il-profil personali tagħhom.
Dan il-pass wassal biex jifformulaw u jkabbru l-evanġelizzazzjoni tagħhom bil-paġna, bil-Kelma t’Alla tilħaq udjenza ikbar.
Il-paġna tvarja fl-evanġelizzazzjoni tagħha biex tolqot l-interessi tan-nies.
Stqarr li t-Tnejn u l-Ħamis, jinxtered ħsieb fuq l-Evanġelju tal-ġurnata, filwaqt li t-Tlieta u l-Ġimgħa tittella’ talba b’rabta mal-ħsieb tal-ġurnata ta’ qabel.
Kull nhar ta' Erbgħa, tittella' kwotazzjoni mill-Bibbja jew ta' qaddis partikolari, filwaqt li s-Sibt u l-Ħadd il-paġna tagħmel riflessjoni u talba b’rabta mal-Evanġelju.
Żied jgħid, li l-paġna tqiegħed ukoll siltiet mużikali kull nhar ta' Tlieta u Ħamis biex iqanqlu spirtu ta’ talb u riflessjoni fost is-segwaċi.
Sostna li l-paġna sservi ta’ tfakkira lin-nies li ma jsibux iċ-ċans biex jitolbu.