Filmat: “L-esperjenza tal-WYD fil-Polonja hi unika u differenti minn ta’ qabel”

Għad baqa' 170 ġurnata għal Jum Dinji taż-Żgħażagħ f'Krakow fil-Polonja.
Madwar 130 żagħżugħ u żagħżugħa minn għaqdiet differenti f'Malta u Għawdex, fosthom is-Sależjani, il-MUSEUM tal-bniet, ŻAK u diversi parroċċi diġà rreġistraw.
Waqt laqgħa li saret fil-Mosta, Fr Reuben Gauci, wieħed mill-organizzaturi, spjega li madwar żewġ miljun żagħżugħ u żagħżugħa se jkunu qed jgħixu din l-esperjenza ta' fidi flimkien, proprju "fil-belt tal-qaddisin" San Papa Ġwanni Pawlu II u Suor Faustina.
Kompla jgħid li bħala parti mis-Sena tal-Ħniena, se jkun hemm enfasi fuq il-qrar u l-adorazzjoni.
Matul il-ġimgħa ta' attivitajiet li se jwasslu għal Jum Dinji taż-Żgħażagħ, se jkun hemm numru ta' katekeżijiet li se jinqasmu f'żewġ sezzjonijiet u pellegrinaġġ lejn is-santwarju tal-Ħniena Divina.
Se jkollhom iċ-ċans ukoll iżuru l-kampijiet ta' konċentrament t'Auschwitz.
Fost l-attivitajiet se jkun hemm ukoll youth festivals, Copa Católica (futbol tournament) u ċentru tal-vokazzjonijiet, b'ordnijiet u istituzzjonijiet differenti juru u jitkellmu dwar il-kariżmi tagħhom.
Ma' Newsbook.com.mt, Fr Reuben qal li l-qofol tal-esperjenza se tkun proprju l-quddiesa li se jiċċelebra l-Papa Franġisku fil-31 ta' Lulju.
Żied li l-Jum Dinji hu ċans biex tiltaqa' ma' persuni reliġjużi differenti, li iżda jħaddnu l-istess fidi f'Ġesù.
Newsbook.com.mt tkellem ma' għadd ta' żgħażagħ li qalu li qed jantiċipaw din l-esperjenza, li hi waħda li hi unika għal kull wieħed u waħda minnhom, u li se jgħixuha skont il-ġurnata.
L-Arċisqof ta' Malta Charles Scicluna were l-fiduċja tiegħu fil-grupp ŻAK biex jorganizza u jħejji lill-pellegrini Maltin.
Tista' tniżżel l-app biex tkun aġġornat b'iktar aħbarijiet u informazzjoni dwar il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ hawn

Ritratti/Filmat: Julia Callus u Simon Borg