Awdjo: “L-Enċiklika ħarġet meta l-Maltin qed jipprotestaw kontra ż-Żonqor”

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-Enċiklika l-ġdida tal-Papa Franġisku, Laudato Sì, ħarġet fil-mument li l-Maltin qed jipprotestaw kontra żvilupp fiż-Żonqor.
Semma kif il-Papa qed jitlob azzjoni mhux mill-politiċi biss imma minn kulħadd biex l-ambjent nieħdu ħsiebu.
Irrefera għall-kliem il-Papa fl-Enċiklika li “xi kultant jittieħdu deċiżjonijiet li jsiru mingħajr trasparenza, ikollhom xamma ta’ korruzzjoni, ma jippermettux dibattitu wiesgħa u li jirrovinaw l-ambjent.”
Simon Busuttil qal li l-elementi fil-każ taż-Żonqor huma l-istess. Sostna li kollox qed isir fil-magħluq, li hemm riħa ta’ korruzzjoni, li d-diskussjoni qed tiġi maħruba u li hi deċiżjoni li se tgħarraq l-ambjent.
Saħaq li kemm min hu kattoliku u anke min mhux għandu jipproteġi l-ambjent li hu xi ħaġa tajba minnu nnifsu. Spjega li meta wieħed jipproteġi l-ambjnet ikun qed jinjora l-interessi personali u jipproteġi l-ġid komuni.
Iddeskriva din l-Enċiklika bħala waħda mill-aktar importanti li qatt għamel Papa. Esprima t-tama tiegħu li f’Malta jkun hemm diskussjoni serja dwarha, bħalma jemmen li se jkun hemm f’kull pajjiż madwar id-dinja.
Il-Kap Nazzjonalista sostna li l-poplu Malti jidher li beda jagħti importanza kbira lill-ambjent għax qed jibżgħu li qegħdin f’riskju li nitilfuh.
Temm jgħid li l-Partit Nazzjonalista se jifli l-Enċiklika bir-reqqa, għax jemmen li l-ambjent għandu jkun prijorità politika.
Illejla, l-Arċisqof Charles Scicluna se jagħmel preżentazzjoni tal-Enċiklika, fil-bitħa ċentrali tas-Seminarju tal-Arċisqof, tal-Virtù, ir-Rabat. Il-preżentazzjoni tibda fis-7pm u se tixxandar live fuq RTK.
Il-pubbliku huwa mistieden jattendi.