Awdjo: L-effett tas-self lill-Greċja diġà nħass fil-finanzi ta’ Malta

Il-fatt li l-Gvern Grieg jinsab lest li jieħu miżuri fiskali iebsa, jista’ jintlaħaq qbil biex l-ekonomija tal-Greċja ma tfallix.
Hekk sostna ma’ Newsbook.com.mt, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna dwar iċ-ċans li jintlaħaq ftehim qabel tmiem il-ġimgħa.
Fil-proposti mressqa fil-laqgħa straordinarja tat-Tnejn li għadda, il-Gvern Grieg jinsab lest li jdaħħal miżuri, fosthom li jgħolli t-taxxa tal-VAT u riforma tal-pensjonijiet.
Edward Scicluna ddeskriva din id-deċiżjoni bħala pass “lejn id-direzzjoni t-tajba”.
Qal li bħala bilanċ għal dan, il-pajjiżi l-oħra lesti jinnegozjaw il-kundizzjonijiet tas-self li ngħata, fosthom tnaqqis tal-imgħax jew li jiżdied iż-żmien sakemm isir il-ħlas lura.
Ma’ Newsbook.com.mt, il-Ministru għall-Finanzi qal li fl-Ewropa qatt ma kien hemm ħsieb li l-Greċja toħroġ mill-ewro u mill-Unjoni Ewropea.
Scicluna qal li Malta ma tkunx tista’ tieħu l-flus li sellfet jekk dawn in-negozjati jfallu u l-Greċja tfalli.  
Qabel laqgħa oħra tal-grupp tal-ewro dwar il-kriżi ekonomika tal-Greċja, il-Ministru Edward Scicluna qal li d-dejn u d-defiċit ta' Malta diġà ħadu d-daqqa tas-self li tajna lill-Greċja.
Saħaq li l-miżuri meħtieġa huma li jkun hemm tkabbir ekonomiku u l-Greċja toħroġ mir-riċessjoni.
Dan biex sakemm jilħqu t-tfal tagħna, id-dejn jkun tħallas lura.
Scicluna qal li rridu nuru solidarjetà u nkunu flessibbli jekk irridu li l-ekonomija tal-Greċja tibda tikber u d-dejn jitħallas.