Il-Prim Ministru u kap tal-Partit Nazzjonalista Dr Lawrence Gonzi qal li li l-Partit Nazzjonalista m’għandu l-ebda dritt sagrosant li jirbaħ l-elezzjoni, iżda li jirbaħ biss jekk jingħata l-fiduċja tal-elettorat. Qal li bil-programm elettorali tiegħu, il-PN jista jaspira li jirbaħ din il-fiduċja.
Dr Gonzi qal dan waqt intervista fuq l-istazzjon televiżiv tal-Partit Nazzjonalista.
Qal li għalkemm hemm partitarji Nazzjonalisti li mhumiex sodisfatti fuq xi kwistjonijiet individwali, dawn iridu jiftakru li se jivvutaw għall-futur tal-pajjiż.
Dr Gonzi sostna biex l-elettorat iżomm f’moħħu l-interess nazzjonali u mhux dak personali.
Fuq allegati każijiet ta’ korruzzjoni, sostna li min jiżbalja għandu jħallas.
Dwar in-numru ta’ proposti elettorali li jikkonċernaw lill-Għawdex, il-Prim Ministru sostna li l-Għawdxin għandhom aktar ostakli u diffikultajiet.
Huwa temm jgħid li jekk il-Partit Nazzjonalista jkun fil-gvern, ikun hemm kabinett akbar u b’uċuħ ġodda. Sostna li l-esperjenza tiegħu f’dawn l-aħħar snin ikkonvinċewh li kien hemm bżonn ta’ kabinett akbar biex tingħata attenzjoni partikolari lil ċerti oqsma.