Awdjo: “L-ebda annimal m’għandu jinżamm fil-magħluq”

"Hu x’inhu l-annimal m’għandux jinżamm ‘il bogħod mill-ħabitat naturali tiegħu."  Din kienet ir-reazzjoni ta’ Romina Formosa, attivista favur id-drittijiet tal-annimali, b’rabta mal-annimali slavaġ li qed jinżammu f’zoo f’Montekristo Estates.
L-aħbar li nġiebu Malta żewġt’ifrieħ ta’ tigra, ta’ puma u ta’ ors kellha reazzjonijiet kunfliġġenti.  Dawk li għandhom għal qalbhom l-annimali jsostnu li qed issir moħqrija.  Oħrajn għandhom opinjoni differenti u jemmnu li b’dan il-mod biss, it-tfal jistgħu jaraw b’għajnejhom annimali slavaġ.
Fi kliem Romina Formosa, din hija mentalità li tirrifletti egoizmu kbir għaliex il-bniedem m’għandu bl-ebda mod iċaħħad lill-annimal milli jgħix fl-ambjent naturali tiegħu.
Min-naħa l-oħra, hemm min saħħansitra jemmen li mawra saz-zoo hija waħda edukattiva.  Dwar dan, Romina Formosa qalet li din mhi xejn ħlief skuża sabiex dak li jkun jiġġustifika l-għażla li jmur iz-zoo.
Fil-ġranet li għaddew, il-Parlament approva abbozz ta’ liġi li jiprojbixxi ċ-ċirklu tal-annimali kif ukoll introduċa pieni aktar ħorox lil min ma jitrattax tajjeb lill-annimali.