Awdjo: “L-attakki f’Gaża qishom attakk fuq dar f’Malta għax fiha jgħix Laburist jew Nazzjonalist”

“Il-ħajja f’Gaża mhi faċli xejn: Kuljum għandek tminn sigħat bla dawl, tipprova torqod u tisma’ d-dar ta’ maġenbek tisplodi, tisma’ l-missili jtiru mill-ajru, mill-art u mill-baħar.”
“Gaża hi attakkata minn kull naħa. Tmur fejn tmur qatt ma tħossok sigur u ma tafx x’se jiġri minnek fil-minuta ta’ wara.”
Għal dawn l-aħħar erba’ snin, din kienet il-ħajja ta’ kuljum ta’ Karl Schembri, ġurnalist Malti li ħalla din il-gżira biex iduq ftit mill-imrar tal-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina.
Karl għex f’Gaża meta fl-2012, l-attakki bil-missili u r-rokits qatlu 200 Palestinjan, fosthom tfal. Dak iż-żmien kien jaħdem mal-għaqda Oxfam, li tgħin lin-nies li jgħixu fil-faqar.
Imma minkejja li llum Karl qiegħed jaħdem fil-Ġordan mal-għaqda Save the Children, fejn m’hemmx perikli, ħsibijietu bħalissa jmorru fuq dak li għaddej f’Gaża.
F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, Karl jgħid li minn dak li qed jgħidulu l-ħbieb tiegħu f’Gaża, l-attakki li bdew il-ġimgħa li għaddiet huma l-aktar diffiċli. “Dan għas-sempliċi raġuni li l-Iżrael qed jattakka direttament id-djar u l-binijiet fejn jgħixu familji sħaħ.”
Skont Karl, mhuwiex ġustifikabbli li l-Iżrael qed jattakka dawn id-djar għax fihom jgħixu nies affiljati jew jafu lil xi ħadd mal-Ħamas: “Dan qisek qed tgħid li se tattakka dar f’Malta għax fiha jgħix Laburist jew Nazzjonalist.”
Tul dawn it-tminn t’ijiem ta’ ġlied, inqatlu aktar minn 200 Palestinjan u persuna waħda Iżraeljana. Mill-Palestinjani mejta, kważi 40 minnhom huma tfal. Għall-ġurnalist Malti, li ġarrab mill-viċin il-weġgħat tal-poplu Palestinjan, it-tfal m’għandhomx ikunu vittmi ta’ dan il-kunflitt.  “Huwa minnu li huma l-Palestinjani li tellgħu u jridu lill-Ħamas fil-Gvern, iżda t-tfal m’għandhomx vot, aħseb u ara kemm tellgħuh fil-Gvern!”
Fid-dawl ta’ dan it-tixrid kollu ta’ demm, eluf ta’ nies tkellmu, ipprotestaw u ssieltu biex bejn l-Iżrael u l-Palestina xi darba tirrenja l-paċi, inkluż Malta.
Fil-fatt fil-5.30 tal-lejla fil-Belt Valletta se ssir mixja bħala turija ta’ solidarjetà mal-poplu Palestinjan.